Festi
L-irħajjel ‘Tad-Daħla’ fir-Rabat jiċċelebra l-festa tal-kappella ddedikata lil Santa Katerina

Il-festi titulari fl-istaġun sajfi ġew iċċelebrati kollha. Iżda l-festi għadhom għaddejjin. Fil-fatt, fi tmiem din il-ġimgħa qed jiġu ċċelebrati ħafna festi żgħar f’kappelli li għandna f’Malta u Għawdex. Waħda minnhom hi dik dedikata lil Santa Katerina li tinsab f’irħajjel fil-limiti tar-Rabat. Din il-kappella qed tiġi restawrata.

Fi rħajjel magħruf bħala “Tad-Daħla”, nofs triq bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli jgħixu madwar ħmistax-il familja li f’dawn il-ġranet ikunu mħabbtin sew biex jorganizzaw il-festa tal-kappella tagħhom dedikata lil Santa Katarina.

Din is-sena huma kburin li qed jiċċelebraw il-festa f’kappella li għaddejja minn restawr estensiv. Il-kappella ġiet restawrata minn ġewwa u nżebgħet bi skala ġdida ta’ kuluri. Tlesta wkoll ir-restawr tal-faċċata, u kif tgħaddi l-festa se jitkompla r-restawr tal-ħitan tal-ġnub u fuq wara. Dan ix-xogħol kollu ta’ ħarsien ta’ wirt storiku qed jiġi finanzjat mill-Uffiċċju għall-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura. Ma’ dan ix-xogħol, il-ftit residenti f’din il-komunità qed jagħmlu l-parti tagħhom ukoll biex isebbħu l-kappella, tant li għall-festa qed iżanżnu żokklatura ġdida tal-irħam, sopraporti u loppa ġdida għal-lampier.

Is-Sibt u l-Ħadd, il-festa tiġi ċċelebrata bil-quddiesa, marċi mill-banda, logħob tan-nar u fiera. Il-Ħadd filgħaxija ssir ukoll il-purċissjoni bi statwa ta’ Santa Katarina.

Il-Viċi Arċipriet tar-Rabat, il-Kanonku Claude Mifsud qal “aħna nemmnu li mietet, ħadet il-martirju għal Kristu. Santa Katarina fis-socjetà tagħna llum tgħallimna l-importanza li għandna nkunu nsara li nibqgħu b’fidi sħiħa fil-Mulej tagħna, Ġesù Kristu.”

Lil hinn mill-festa annwali, il-ħajja fl-irħajjel “tad-Daħla” tul il-kumplament is-sena hi kwieta ħafna bil-quddiesa ta’ tmiem il-ġimgħa sservi bħala l-laqgħa tal-komunità.

Il-Kanonku Claude Mifsud qal “bħala parroċċa nirringrazzjaw lil Alla għadna nistgħu nagħtu dan is-servizz. F’din il-kappella s-Sibt filgħaxija jkun hawn il-quddiesa biex tkun il-quddiesa li tgħodd għall-Ħadd, li wkoll għall-grazzja t’Alla kemm il-familji li jgħixu hawnhekk kif ukoll il-familjari tagħhom, għax dik hi l-aktar interessanti li l-familjari tagħhom għadhom jinġabru fejn ommijiethom, in-nanniet tagħhom, nibdew mill-quddiesa u mbagħad ikomplu jaqsmu tmiem il-ġimgħa bħala familja.”

Din il-kappella hi fir-responsabilità tal-parroċċa tar-Rabat.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Tressaq it-tielet raġel il-Qorti b’rabta mal-ġlieda bejn seba’ persuni nhar il-Ħadd li għadda f’Ħaż-Żabbar. Stephen Vella ta’ 46 sena mill-Birgu, ġie mixli li b’attentat ta’ feriti gravi fuq pulizija, li…

Kronaka

Tliet persuni li lbieraħ waranofsinhar daħlu f’ħanut tal-fajjenza fil-Ħamrun jidher li kienu kompliċi biex jisirqu għadd ta’ oġġetti. Kienu ftit qabel is-1.30pm meta fil-ħanut daħlu mara u raġel, segwiti ftit…

Qorti

Ġuvni Malti weħel 4 snin priġunerija f’ħabs fil-Polonja wara li kien involut f’hit and run. Il-ġuvni, magħruf fil-qorti bħala Piero C, is-sena l-oħra, fl-età ta’ 17-il sena kien qed isuq…

Edukazzjoni

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu b’kollaborazzjoni mal-Malta Football Association organizzat ċelebrazzjoni fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali fl-okkażjoni ta’ tmiem ir-raba’ ċiklu tal-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ Footballers’ Read and Write Programme’. F’din l-attività,…

Aktar