Lokali
L-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema għandha tiġi riżolta b’mod ħolistiku- Cyrus Engerer

“L-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema madwar l-Unjoni Ewropea għandha tiġi riżolta b’mod ħolistiku,” il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer qal.

“Irridu nattiraw lejn l-Ewropa t-talenti kollha li għandna bżonn, naraw li d-drittijiet talħaddiema kollha jkunu protetti u niżguraw li l-komunitajiet differenti jkunu attrezzati sew biex jgħixu flimkien,” żied jgħid Engerer.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer ħareġ sejħa pubblika biex in-negozji Maltin u gruppi ta’ interess jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar kif għandhom jiġu attirati iżjed ħaddiema.

Engerer huwa n-negozjatur għall-politika dwar il-migrazjoni legali għall-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew. Engerer innota li dan huwa l-kontinent li qiegħed jara lakbar tnaqqis fil-popolazzjoni.

“Kif għedt fil-laqgħat li kelli, l-Unjoni Ewropea qiegħda titlef fil-kompetizzjoni dinjija biex nattiraw l-akbar talent, u qiegħdin insubi l-lakuni fix-xogħol,” qal Engerer. “Ir-rapport li jitfassal għandu jagħti stampa ċara lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-soluzzjonijiet li ċċitaddini Ewropej u n-negozji għandhom jistennew f’dan il-qasam,” sostna l-MEP.

Huwa żied jgħid li l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija huwa ta’ importanza kbira u għandu jsir fl-iqsar żmien.

Id-diskussjoni dwar in-nuqqas ta ħaddiema ġiet hekk kif 77% tan-negozji rrapportaw li qed tkun diffiċli biex isibu l-ħaddiema. Skont studju mill-Kamra tal-Kummerċ, negozji Maltin qegħdin jaffrontaw kriżi biex jimpjegaw in-nies, wara li ħafna barranin telqu minn Malta minħabba l-pandemija.

L-istudju sab li ħafna minn dawk li rrispondew (61%) jemmnu li d-diffikultà biex jimpjegaw lin-nies kien ostaklu biex joperaw kif kienu qabel il-pandemija. Iżjed minn nofs (64%) jemmnu li dawk li telqu mix-xogħol għamlu dan sabiex isibu paga aħjar. Madankollu, inqas minn 40% qalu li qegħdin jippjanaw biex iżidu l-pagi. Minflok, 45% qalu li ser jindirizzaw innuqqas ta’ ħaddiema billi jiżviluppaw l-għarfien tal-impjegati tagħhom.

Iżjed minn 40% ta dawk li rrispondew l-istudju qalu li l-akbar ostaklu kien biex isibu ħaddiema b’għarfien speċjalizzat.

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta’ tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirreflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta