Lokali
“L-isfidi tas-saħħa mentali għandhom jingħataw l-istess importanza bħas-saħħa fiżika”

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, John Cachia, qal li l-isfidi tas-saħħa mentali għandhom jingħataw l-istess importanza bħas-saħħa fiżika, li s-servizzi għandhom ikunu aktar qrib il-komunità, u li s-servizz ta’ saħħa mentali akkut għandu jiċċaqlaq lejn Mater Dei mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissarju Cachia, li jirtira mill-kariga l-ġimgħa d-dieħla, nieda direttorju virtwali li jiġbor tagħrif dwar entitajiet u organizzazzjonijiet li joffru servizzi f’dan il-qasam.

Direttorju virtwali ġdid jiġbor tagħrif dwar l-entitajiet li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali. Ispirat minn dan l-għan, l-inizjattiva hi msejħa ‘l-benesseri mentali fil-komunità għalik’. Id-direttorju jelenka 28 organizazzjoni, li jagħtu servizzi fil-komunità u servizzi residenzjali għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali. It-tagħrif jista’ jinkiseb mill-paġna ta’ facebook jew mill-website tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.

Din hi waħda mill-aħħar inizjattivi ta’ Dr John Cachia bħala Kummissarju għas-Saħħa Mentali wara għaxar snin fil-kariga – li matulhom irrimarka li seħħew diversi bidliet.

“L-ewwel għan kien li nbidlu, inġeddu, il-qafas legali li bih aħna nimxu f’dal pajjiż fuq is-servizzi tas-saħħa mentali. U l-ewwel punt kien id-drittijiet tal-pazjent, id-drittijiet tal-familji u li dak kollu li jsir madwar il-pazjent ikun regolat b’tali mod, partikolarment fejn għandu x’jaqsam mal-kura kontra l-volontà tal-persuna. Li tirrispetta d-dinjità umana, li tirrispetta d-dinjità tal-persuna.”

Dr Cachia rrimarka li fl-aħħar snin il-vuċi tan-nies fi kwistjonijiet marbuta mas-saħħa mentali saret aktar b’saħħitha.

“Norbtuha mat-trasport, norbtuha mal-ambjent, norbtuha mal-ħajja tagħna, norbtuha ma’ kif ħassejna fi żmien il-pandemija, norbtuha ma’ x’nieklu, norbtuha mal-eżerċizzju. Norbtuha ma’ ħajjitna kollha u fil-fażijiet kollha tagħha.”

Għall-ġejjieni, Dr Cachia qal li l-isfidi tas-saħħa mentali għandhom jingħataw l-istess importanza bħas-saħħa fiżika, li s-servizzi għandhom ikunu iktar qrib il-komunità, u li s-servizz ta’ saħħa mentali akkut għandu jiċċaqlaq lejn Mater Dei mill-aktar fis possibbli.

“Servizzi ta’ long term care li jkunu ta’ dinjità u fl-aħħar nett l-istigma u d-diskriminazzjoni u l-prevenzjoni li kif ngħixu ħajja sana biex nibqgħu ‘l bogħod minn sfidi ta’ saħħa mentali.”

IIl-Kummissarju l-ġdid għas-Saħħa Mentali ser ikun Dr Dennis Vella Baldacchino.