Sport
AĠĠORNAT: L-iskate park ta’ Birżebbuġa jingħalaq minħabba tħassib fuq is-sigurtà

L-iskate park ta’ Birżebbuġa ilu tliet ġimgħat magħluq għall-pubbliku, wara inċident li tefa’ dawl fuq is-sigurtà fil-post.

Persuni li jużaw dan l-iskate park regolarment qalu lil TVM li dan l-aħħar tqajjem tħassib dwar aspetti mill-istruttura tal-park, wara li ġuvnott waqa’ u weġġa’ wiċċu.

Fost il-problemi li qed jiġu kkunsidrati hemm l-ilqugħ tal-ħadid, b’xifer li jista’ jkun perikoluż għal min ikun qed jipprattika l-isport hawnhekk.

TVM infurmat li għadd ta’ kumpaniji li sponsjorjaw dan l-iskatepark u wettqu xogħlijiet fih, ukoll jinsabu urtati bis-sitwazzjoni.

Għall-mistoqsijiet ta’ TVM, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa qal li kienet saret laqgħa ma’ The Malta Trust Foundation, u minn hemm ittieħdet deċiżjoni biex l-iskate park jingħalaq temporarjament, sakemm jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fir-rigward tas-sigurtà.

Il-Kunsill qal li qatt ma saru sinjali li wieħed irid jilbes ilbies protettiv biex jippratikka l-isport fl-iskate park, u wisq inqas inħatar xi persuna biex jissorvelja dan il-post li jkun miftuħ lejl u nhar. Żied li hemm kwistjoni tal-assigurazzjoni, li s’issa għad m’hemmx ftehim fuqha.

“Huwa post ta’ periklu fejn l-inċidenti jistgħu jseħħu faċilment u għaldaqstant il-Kunsill wera rispett lejn kulħadd u ma ħax dan is-sogru,”qal il-Kunsill.

Temm jgħid li fil-preżent hemm diskussjonijiet għaddejjin bejn l-avukati taż-żewġt naħat biex tinstab l-aħjar soluzzjoni.

Fl-aħħar xhur l-iskate park kien ukoll f’nofs kontroversja minħabba li kien qed jimtela’ bl-ilma.

AĠĠORNAT:

Fi stqarrija b’reazzjoni, il-Malta Trust Foundation qalet li kienet ġabret mingħand negozji lokali s-somma ta’ €300,000,wara idea mressqa mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill preċedenti biex iż-żgħażagħ ikollhom skate park. Qalet li bi ftehim mas-Sindku preċedenti, il-Kunsill kellu jieħu ħsieb il-manteniment tajjeb tal-park, inkluż spezzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà u polza ta’ assigurazzjoni, waqt li Aġenzija Żgħażagħ kellha tipprovdi youth workers.

Il-Malta Trust Foundation qalet li tinsab diżappuntata li l-iskate park kellu jingħalaq, u jinsab f’diskussjonijiet mal-Kunsill biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jerġgħu jibdu jgawduh.

Ara wkoll:

Il-Bajja s-Sabiħa tagħmel wisa’ għar-roti u l-iskateboards

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Diversi żoni f’Malta illejla intfew, bil-għan li nsalvaw l-enerġija. Din l-inizjattiva, li hija waħda favur l-ambjent, kienet mifruxa mad-dinja, u ingħatat l-isem ta’ Earth Hour. F’Malta saret mill-NGO Żibel, u…

COVID-19

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwaraninta obbligatorja u ġew immultati tliet elef ewro kull wieħed. B’kollox saru 421 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet, 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina…

COVID-19

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni qiegħed jgħid li dan mhuwiex lockdown, meta fi kliemu, id-Deputat Prim…

COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’…

Aktar