Edukazzjoni
L-iskejjel fejn s’issa sar risk assessment kollha konformi mal-protokolli tas-saħħa

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li s’għada se jingħalqu r-risk assessment kollha tal-iskejjel. Intervistat waqt il-bulettin tal-aħbarijiet tat-8 p.m. fuq Television Malta, is-Sur Fabri qal li r-risk assessments li saru fl-iskejjel, s’issa kollha kienu konformi mal-protokolli tas-saħħa.

Żied jgħid li għad fadal xi skejjel li se jsirilhom risk assessment għada, iżda qal li jidher ċar li l-iskejjel kollha f’Malta u f’Għawdex ħadu ħsieb li jimplimentaw il-miżuri.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal ukoll li l-iskejjel inbidlu kompletament u li din kienet l-akbar operazzjoni li qatt għadda minnha is-settur tal-Edukazzjoni. Semma kif il-klassijiet ma baqgħux tal-għalliema imma saru tal-istudenti u naqas il-moviment fl-iskejjel filwaqt li żdied b’40% t-tindif fl-iskejjel.

Qal li ma kienx ikun għaqli li kieku 55,000 student u studenta u 9,000 edukatur kellhom jidħlu l-iskola fl-istess ġurnata. Spjega li l-edukaturi se jibdew jidħlu fl-iskejjel minn nhar it-Tnejn filwaqt li l-istudenti se jidħlu fl-iskejjel fi gruppi differenti mis-7 ta’ Ottubru sal-14 ta’ Ottubru. Qal li b’hekk il-prattiċi l-ġodda jindraw bil-mod il-mod.

Is-Sur Fabri qal li hemm numru ta’ miżuri li jridu jittieħdu għal kull ħaġa li tmiss mal-iskejjel. Dwar it-trasport huwa qal li fost il-miżuri hemm li bejn kull vjaġġ u ieħor irid jitnaddaf il-vann, l-istudenti jridu jilbsu l-maskra u t-twieqi jridu jinżammu miftuħin, sajf u xitwa. Qal li għal li din is-sena se jiżdiedu r-rotot tat-trasport għaliex se jonqsu l-ammonti ta’ studenti li jistgħu ikunu fil-vettura.

Mistoqsi dwar il-lezzjonijiet online, is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li l-ewwel prijorità hija t-tgħalim fil-klassi iżda t-tgħalim jista’ jsir online. Qal li bħalissa qed jiġu rrekordjati lezzjonijiet biex l-istudenti li jinqabdu d-dar ikollhom aċċess għalihom on demand mid-dar.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: L-istudenti se jibdew l-iskola fi ġranet differenti f’Ottubru