Edukazzjoni
L-iskejjel tal-Istat jiftħu l-Erbgħa – infetħu 109 klassi oħra minħabba d-distanza soċjali

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret li l-iskejjel tal-Istat jinsabu lesti biex minn nhar it-Tnejn jilqgħu lill-istaff u mill-Erbgħa lill-istudenti skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Skont l-awtoritajiet tal-edukazzjoni 85% tal-istudenti li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq u 73% tal-istudenti bejn it-12 u l-15-il sena ħadu t-tilqima.

Bħala prevenzjoni se tinżamm distanza bejn l-istudenti kif ukoll bejn l-istudenti u l-għalliema kif imħabbar aktar kmieni dan ix-xahar.

Dan wassal biex għal din is-sena skolastika infetħu 109 klassi addizzjonali minħabba d-distanza jiġifieri 23 klassi addizzjonali aktar mis-sena skolastika li għaddiet.

Se jinfetħu wkoll 22 klassi ġdida oħra li hemm bżonn minħabba numru akbar ta’ studenti rreġistrati għal din is-sena skolastika. Dan ifisser li se jinfetħu 131 klassi oħra għas-sena skolastika l-ġdida.

Il-Ministru Caruana semmiet ukoll li din is-sena kien hemm il-ħtieġa ta’ 82 għalliem tal-primarja li qegħdin fis-servizz peripatetiku biex flimkien mat-22 oħra li wrew interess jingħataw klassi biex jgħallmu matul din is-sena skolastika kif sar is-sena li għaddiet.

Hija qalet li l-bqija mill-459 għalliem peripatetiċi li joffru s-servizzi fil-primarja se jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom fl-iskejjel.

“Is-servizz tal-għalliema peripatetiċi qatt ma kellna l-ħsieb li nwaqqfuh, la b’mod temporanju u lanqas b’mod sħiħ”, saħqet il-Ministru Caruana.

Hija sostniet ukoll li t-82 għalliem huma kkwalifikati fil-pedagoġija tal-primarja u li dawk il-lezzjonijiet li kienu jagħtu fis-suġġetti partikolari se jibqgħu jingħataw b’mod alternattiv.

Il-Ministru Caruana spjegat ukoll kif  matul is-sajf kien għaddej ukoll programm ta’ manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex.

Dan il-programm jikkumplimenta l-proġetti ta’ bini, estensjonijiet u rranġar ta’ skejjel li għaddej mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, €35 miljun f’Għawdex u €50 miljun f’Malta.