Barranin
L-Iskoċċiżi biċ-ċans li jaħdmu ġurnata inqas fil-ġimgħa u jitħallsu l-istess

Skont rapporti, fl-Iskozja bdew it-taħditiet biex l-Iskoċċiżi jidħlu għax-xogħol erba’ darbiet fil-ġimgħa minflok ħamsa, filwaqt li l-paga tagħhom tibqa’ l-istess.

Fl-aħħar jiem, kelliem għall-Gvern Skoċċiż stqarr mal-midja Ingliża li beda x-xogħol biex jiġi mfassal proġett pilota li jqum £10 miljun maħsub biex jgħin lil diversi kumpaniji biex isiru aktar midħla tal-benefiċċji u l-ispejjeż li ġġib magħha din il-proposta.

Huwa qal, li l-pandemija tal-Covid-19 ġiegħlet lill-Gvern Skoċċiż jirrealizza li s-sigħat tax-xogħol għandhom jinżammu flessibbli. Żied, li anqas ħin fuq il-post tax-xogħol jista’ jgħolli l-kwalità tal-ħajja ta’ dak li jkun.

Intant, studju li sar mill-Istitut Skoċċiż IPPR sab li fost aktar minn 2,200 ruħ, 85% jinsabu ċerti li jekk jaħdmu ġurnata inqas fil-ġimgħa u jibqgħu jitħallsu l-istess, il-kwalità tal-ħajja tagħhom titjieb bil-bosta.

Proposta simili diġà tinsab fis-seħħ f’diversi bnadi mal-erbat irjieħ tad-dinja, fosthom fl-Iżlanda.