Edukazzjoni
L-Iskola tal-Arti restawrata b’investiment ta’ €5 miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana inawguraw il-proġett ta’ restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta.

Ir-restawr f’din l-iskola, li tifforma parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, sar b’investiment ta’ €5 miljun mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.

Il-proġett kien deskritt mill-Prim Ministru bħala wieħed li jgħaqqad flimkien il-patrimonju kulturali u l-futur fis-settur tal-arti.

“L-aspirazzjoni tagħna hija li min jiġi f’din l-iskola joħlom li jista’ jilħaq il-livelli tal-individwi li bil-kreattività tagħhom ikontribwixxew fl-iżvilupp tal-identità tagħna bħala Maltin”, sostna l-Prim Ministru.

Huwa qal li m’gaħndux dubju li dan iċ-ċentru se joffri lill-madwar 500 artist li ta’ kull sena jsegwu korsijiet fih ambjent aktar adattat biex jimmotiva aktar is-sens kreattiv u tnissil ta’ ideat innovattivi.

Il-Prim Ministru sostna li huwa sinifikattiv li dan l-investiment sar ukoll f’perjodu ta’ pandemija u semma l-għajnuna li l-Gvern qed joffri lill-artisti permezz ta’ diversi skemi.

Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-investiment tal-Gvern fil-qasam edukattiv huwa investiment mifrux fuq livelli u wkoll fuq setturi differenti.

“Investiment li mhuwiex biss fit-tagħlim, mhuwiex biss fl-edukaturi tagħna, imma huwa wkoll investiment fid-dar tagħhom … il-binja li tilqa’ fiha kemm lill-edukaturi u wkoll lill-istudenti biex jieħdu t-tagħlim tagħhom, biex ikattru l-ħiliet tagħhom”.

Hija semmiet diversi investimenti li qed isiru fis-settur edukattiv fosthom boroż ta’ studju u ftehim ma’ entitajiet fis-settur biex il-ministeru jkompli jagħti l-importanza mistħoqqa lill-arti u l-espressjoni artistika.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Neville Young qal li proġett ta’ restawr u tisbiħ bħal dan huwa parti minn kullana ta’ proġetti li permezz tagħhom qegħdin jimmodernizzaw l-infrastruttura edukattiva.

“Dan hu investiment bla preċedent ta’ aktar minn €100 miljun fl-iskejjel tal-istat, li aktar minn terz minnu hu fil-gżira Għawdxija. Il-proġetti tagħna jvarjaw minn bini ta’ skejjel ġodda, bħal dik tar-Rabat, Għawdex u l-Imsida, kif ukoll l-immodernizzar u t-tkabbir ta’ skejjel eżistenti”, huwa temm jgħid.

Fost l-aktar artisti rinomati li kellhom l-edukazzjoni formali tagħhom f’din l-iskola kien hemm Antoine Camilleri, Victor Diacono, Harry Alden, Vincent Apap, Willie Apap, Esprit Barthet, Anton Inglott u Carmelo Mangion.