Forzi Armati
L-iskwadra marittima tal-FAM tagħlaq 50 sena – ara kif evolviet maż-żmien

Bħal-lum ħamsin sena ilu, twieldet taqsima fl-armata Maltija li salvat il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni fuq il-baħar, irrispondiet għal mijiet ta’ sejħiet għall-għajnuna fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fir-responsabilità ta’ Malta, tgħasses l-ibħra territorjali u taqdi l-irwol ta’ pulizija marittima.

Kellha bosta sfidi, ikkawżati mhux biss mill-baħar qawwi iżda mill-ħidma ta’ kuljum li laqqgħet lis-suldat wiċċ imb’wiċċ mal-mewt.

Fl-1 ta’ Novembru 1970 twaqqfet taqsima marittima fi ħdan l-Armata Maltija, dak iż-żmien ibbażata fl-Isla. Bdiet topera b’żewġ patrol boats, donazzjoni mill-Gvern Amerikan li baqgħu jintużaw għal kważi 40 sena. Waħda minnhom nżammet b’tifkira fid-daħla tal-bażi tal-Iskwadra Marittima li sa mill-1977 ġiet rilokata f’Xatt it-Tiben, il-Floriana.

Minn żewġ patrol boats u anqas minn 30 ruħ, ħamsin sena wara l-Iskwadra Marittima għandha staff li jlaħħaq it-370 persuna bejn suldati u uffiċjal, u flotta ta’ 16 bejn patrol boats u fast interceptors. Fl-aħħar snin, il-kwartieri tal-iskwadra għaddew minn trasformazzjoni bil-bini ta’ blokk amministrattiv, faċilitajiet ġodda ta’ akkomodazzjoni, gym u armerija, ħażna taħt l-art għall-fjuwil u faċilità mnejn is-suldati jistgħu iħallu l-bażi b’ħeffa għal fuq il-baħar. Hawnhekk l-iskwadra għandha bħal tarzna żgħira.

“Nukleu ta’ nies li għaddejjin 24/7 biex jagħmlu manutenzjoni. Għandna nies bil-ħiliet aħna, welders, nies jaħdmu fuq it-torn, biex isostnu l-laneċ tagħna. Għandna nies fuq procurement, l-ippjanar tal-maintenance tal-laneċ. Liema lanċa se tiġi docked,” fisser il-Brigadier Jeffrey Curmi, Kap Kmandant tal-Forzi Armati.

Dawn is-suldati qed isostnu l-ħidma kruċjali li ssir mill-ekwipaġġi tal-laneċ fl-ibħra Maltin. F’kull ħin tal-ġurnata jkun hemm laneċ barra; uħud mal-kosta, oħrajn ibaħħru mili ‘l barra u jaf jidħlu lura wara ġranet, f’kundizzjonijiet ta’ baħar kultant xejn sbieħ.

“Apparti x-xogħol ta’ tiftix u salvataġġ, għandna xogħol militari, għandna xogħol ta’ sorveljanza, għandna xogħol ta’ patrolling tal-kosta, b’dawn il-laneċ nistgħu niddeplojjaw divers ukoll tal-EOD. Jiġifieri ħafna drabi jkun hemm combined teams biex jassistu f’li hemm bżonn.”

Il-Brigadier Jeffrey Curmi qal li l-Iskwadra Marittima tassisti wkoll entitajiet oħra tal-gvern bħas-Servizz tas-Sigurtà, il-Pulizija, id-Dwana u d-Dipartiment tas-Sajd f’ħidmiet varji. Fl-aħħar snin suldati mill-iskwadra ħadu sehem f’operazzjonijiet taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea f’żoni bħal lil hinn minn Spanja, il-gżejjer Griegi u s-Somalja. Taħt ir-responsabilità tal-Iskwadra Marittima, illum hemm il-preżenza tal-Forzi Armati f’Għawdex: kemm fuq l-art mill-bażi tal-Qortin kif ukoll fuq il-baħar permezz ta’ żewġ laneċ fil-Port tal-Imġarr.

Fi żjara abbord l-akbar patrol boat, il-P61, tinnota sens qawwi ta’ familja bejn il-membri tal-ekwipaġġ. Huma suldati bħal dawn li fl-aħħar ħamsin sena baħħru, qdew dmirhom lejn il-pajjiż u kitbu l-istorja ta’ din l-iskwadra. F’nofs seklu għaddiet minn mumenti diffiċli, bħat-traġedja ta’ Settembru 1984 meta splużjoni qawwija abbord patrol boat ‘il barra minn Għawdex ħalliet mejta 5 suldati u 2 Pulizija.

F’Jum ir-Repubblika 2009, il-pajjiż ta lill-Iskwadra Marittima l-ogħla unur: il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika għas-servizz eċċellenti li tat f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Din kienet l-ewwel darba mindu l-istat beda jagħti dawn l-unuri li midalja ngħatat lil grupp ta’ persuni flimkien u mhux lil individwu.

Għall-ġejjieni tal-Iskwadra Marittima, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati qal li l-armata se tibqa’ tinvesti fit-taħriġ għas-suldati, fiż-żamma fi stat tajjeb tal-investimenti li saru fl-aħħar snin u fix-xiri ta’ aktar tagħmir. Is-sena d-dieħla mbagħad tingħaqad mal-flotta patrol boat ġdida – l-akbar waħda li qatt kellha l-armata.