Lokali
L-ispiżjara li qed iwasslu l-mediċini fid-dar tal-anzjani

Ġużeppa u Feliċ Caruana, fl-età avvanzata tagħhom, qajla joħorġu minn darhom. Il-koppja hija fost 600 persuna li saħansitra jirċievu l-mediċini b’xejn tal-Gvern fid-dar tagħhom.

Il-koppja Caruana stqarrew ma’ Television Malta li apparti l-fatt li huma nies imdaħħlin sew fl-età, għandhom problemi ta’ mobbiltà u li l-ispiżjara li jwasslulhom il-mediċini d-dar ikunu qed jistennewhom bħall-manna mis-sema.

“Narahom anġli tas-sema għax huma jaqduna ħafna għax ma nkunx nista’ nitla’ hemm fuq”, qalet Ġużeppa Caruana

“Insibu komdu ħafna għalija għax ma niflaħx noħroġ, u nsibu sodisfaċenti ħafna”, qal Feliċ Caruana.

Dawn kienu l-kummenti tal-koppja Caruana, li issa ilhom disa’ xhur jirċievu l-mediċini b’xejn id-dar bħala parti mil-iskema tal-Gvern li titwassal il-mediċina fid-djar tal-anzjani.

Maria Galea, waħda mill-ispiżjara li twassal il-mediċini b’xejn fid-djar, spjegat li l-mediċini jinżammu fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli qabel ma jitwasslu għand il-pazjenti.

“Għandna wkoll il-fridges u kaxxi insulati li nwasslu l-mediċini li għandhom bżonn ikunu fil-friġġ għand il-pazjent, biex aħna nkunu ċerti li l-mediċina tasal kollha intatta għand il-pazjent”, qalet l-ispiżjara Maria Galea.

Ħeġġet lill-anzjani li għadhom jifilħu biex jibqgħu attivi u jiġu jiġbru l-mediċini huma, imma saħqet li jistgħu japplikaw għal dan id-dritt meta jiġu bżonnu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-POYC, RoseAnne Camilleri qalet li l-proġetti pilota li saru s-sena l-oħra ħallew il-frott. Qalet li s-servizz ġie estiż fuq bażi nazzjonali, u hemm kważi 600 pazjent li qed jibbenefikaw minnu.

“Hemm pazjenti li jgħidulek isma’ jien se nirreġistra imma m’għandix bżonnu għalissa. Qishom biex ikollhom comfort u jużawh meta jkollhom bżonn biex jibbenefikaw minnu. Dawk qed naċċettawhom ukoll u jkun hemm pazjenti li ma jifilħux li jkun qed jirreġistraw, jagħmlu użu mis-servizz għal dak il-perjodu li jkunu ma jifilħux, imbagħad jgħidlek le jien se niġi għax niflaħ nimxi”, qalet il-Kap Eżekuttiv tal-POYC
RoseAnne Camilleri.

Spjegat li s-servizz, li jibbenefikaw minnu wkoll persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-pazjent u l-ispiżjar.

“Hu wkoll jista’ jservi ta’ respite għall-familjari tal-anzjani għax forsi jien naf int tieħu ħsieb lil ommok però trid issiefer u għandek diffikultà min se jieħu l-mediċini lill-ġenituri tiegħek f’dak il-perjodu li inti m’intix se tkun hawn”.

Qalet li l-Gvern qed joffri tnaqqis fit-taxxa bħala inċentiv lill-ispiżeriji li joffru dan is-servizz.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Il-ġest li għamel l-MCAST mal-istudenti tiegħu f’Jum San Valentinu ma niżilx tajjeb ma’ kulħadd u xi wħud saħansitra urtaw ruħhom. Matthew Grech, ex persuna gay li kkonverta, qal li dak…

Pulizija

Is-Surġent Simon Schembri qal fi stqarrija li m’għandux x’jaqsam mal-uffiċjali li qed jiġu investigati b’rabta mal-allegat abbuż ta’ sahra u extra duties. Fi stqarrija fuq il-paġna Simon Schembri Blue Light…

Immigrazzjoni

Il-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermaw ma’ TVM li dalgħodu ddaħħlu 106 immigrant fXatt it-Tiben bil-P52. Mistoqsija hux mistennija aktar immigranti, l-AFM wieġbet li mhemm xejn ikkonfermat għalissa.

Lokali

Wara l-ħsara teknika fil-Freephone 153 sa minn kmieni lbieraħ filgħodu, matul dawn l-aħħar sigħat is-service provider għamel it-testijiet meħtieġa. Fi stqarrija ntqal li jidher li l-problema li kien hemm ġiet…

Aktar