Saħħa
L-Isptar Ġenerali t’Għawdex għandu sala ġdida tal-ortopedija

Fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġiet inawgurata sala ġdida tal-Ortopedija għal pazjenti li jkunu għamlu operazzjonijiet tal-ġenbejn u l-irkoppa, fost oħrajn.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li din is-sala saret b’investiment ta’ ftit inqas minn €200,000 bħala parti mill-proġett ta’ Steward Health Care Malta.

Riżultat fost oħrajn ta’ anzjani li qed jgħixu aktar fit-tul, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nfetħet sala ġdida tal-ortopedija b’għaxar sodod għall-pazjenti li jsirulhom interventi ta’ hip replacement jew operazzjonijiet fl-irkoppa.

Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li f’din is-sala sar investiment ta’ €185,000 bħala parti mill-proġett ta’ Steward Health Care Malta waqt li żdiedu 14-il infermier u carer.

“Kull sena jkun hemm madwar 400 pazjent li jkollu bżonn jidħol l-isptar minħabba problemi ta’ ortopedija f’Għawdex stess, u allura dan is-servizz speċjalizzat ġo sala speċjalizzata u bi staff speċjalizzat se jkompli jagħti servizzi aħjar lill-pazjenti Għawdxin,” qal id-Deputat PM.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-investiment sar waqt li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-iskola medika ta’ Barts u fil-bidu tas-sena d-dieħla mistenni jibda x-xogħol fuq il-bini tal-isptar ġdid.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li minbarra titjib fis-servizzi li jingħataw mill-isptar, għaddejjin bosta inizjattivi fil-komunità: “Din is-sena rajna wkoll il-ftuħ tal-berġa tax-Xewkija u l-uffiċċju tal-POYC u issa qed naħdmu u għaddej b’ritmu tajjeb fuq ix-xogħol fuq iċ-ċentru tas-saħħa ġewwa r-Rabat.”

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Isptar Joseph Fenech qal li riżultat ta’ dan il-proġett, il-pazjenti li jinħtieġu kura akuta se jkollhom aktar spazju.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Matul il-maratona ta’ 60 siegħa futbol u volleyball inġabru €1,688,209 b’risq Puttinu Cares. Kienu bosta li matul tmiem il-ġimgħa li għadda marru sal-Marsa Sports Ground, b’uħud ipparteċipaw f’xi logħba u…

Kisbiet

Il-karozzi Bentley u Rolls Royce huma distintivi u magħrufa għal-lussu. Kristian Cini għad għandu sbatax-il sena, iżda għalkemm għad m’għandux l-età biex isuq, huwa dilettant kbir tal-karozzi Bentley u Rolls-Royce….

Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Aktar