Lokali
“L-isptar Monte Carmeli għandu jingħalaq u jinfetaħ sptar ġdid” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-isptar Monte Carmeli għandu jingħalaq u jinfetaħ sptar ġdid. Intervistat fuq NET Television, Dr Grech qal li din il-wegħda fil-qasam tas-saħħa mentali qed issir għax il-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu d-dinjità ta’ kulħadd.

Mistoqsi dwar l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar mill-Malta Today li wera distakk qawwi favur il-Partit Laburista, Dr Grech qal li stħarriġ hu ritratt li jgħid xi ħaġa, iżda mhux kollox. Wera l-fehma li l-messaġġ qiegħed jasal, iżda l-Partit Nazzjonalista mhux jirnexxielu jikkonviċi biżżejjed.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li s-saħħa mentali qed taffettwa lill-ħafna nies, partikolarment studenti u żgħażagħ li tilfu fażijiet importanti ta’ soċjalizzazzjoni f’ħajjithom minħabba l-Covid. Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-għeluq tal-Isptar Monte Carmeli u l-bini ta’ sptar mentali ġdid li joffri l-aħjar servizzi anki għall-pazjenti li jkunu temmew it-trattamenti tagħhom biex ikomplu jingħataw appoġġ.

Dr Grech sejjaħ għal analiżi serja tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax qal li l-konsumaturi nsterqu. Akkuża lill-Gvern li bil-ftehim dwar l-enerġija kien hemm ftit nies li saru miljunarji a skapitu tal-poplu.

Dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Ministru Carmelo Abela, Dr Grech akkuża lill-Prim Ministru b’nuqqas ta’ azzjoni. Tenna li sakemm isiru l-investigazzjonijiet, il-Prim Ministru għandu jinsisti li l-Ministru Abela jwarrab. Il-Kap Nazzjonalista akkuża lill-PBS li qed jiċċensura r-rapporti tal-Partit Nazzjonalista u qal li ma jistax ikun li partit li diġà jinsab f’deficit jkollu jiffaċċja wkoll deficit mil-lat ta’ aħbar. Qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma jridx jara biss xandir nazzjonali tajjeb iżda Awtorità tax-Xandir li tkun vera awtorità u li tassigura li kulħadd jingħata l-ispazju fuq ix-xandir nazzjonali.

Dwar l-ambjent, hu qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-ambjent ikun pilastru ewlieni tal-politika u huwa importanti li t-trasparenza u l-parteċipazzjoni jkunu msaħħa fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent. Qal li l-Gvern ma jimpurtahx x’inhu l-aħjar u sar oppożizzjoni għall-oppożizzjoni nnifsiha, b’kull ħaġa li tipproponi l-oppożizzjoni ma tintlaqax mill-Gvern. Dwar Ħondoq ir-Rummien, qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’soluzzjoni u kien proattiv iżda minkejja dan, il-Prim Ministru qal li l-Partit Nazzjonalista qed jgħaġġel. Qal li sakemm il-Prim Ministru jibqa’ indeċiż, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ deċiż, u l-Partit Nazzjonalista jipproponi li jixtri Ħondoq ir-Rummien meta jkun fil-Gvern biex jara li jsir l-aħjar għall-ġid tan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima d-diżappunt li Malta tħalliet barra mil-lista l-ħadra tar-Renju Unit u li kellhom jitħassru bookings. Qal li kieku l-Gvern ħa d-deċiżjonijiet xahar qabel ma ħadhom kif rrakkomanda l-Partit Nazzjonalista, in-numri kienu jinżlu u Malta kienet tkun f’pożizzjoni aħjar li tattira lit-turisti li trid. Qal li anki fl-ajruport għad ma hemmx proċess ta’ screening addattat u l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jsiru tliet ċentri ta’ screening, tnejn f’Malta u ieħor f’Għawdex.