Lokali
L-Isqalli kixef il-kompliċi tiegħu fil-qabda tat-30kg droga

Sqalli u żewġ Maltin tressqu l-Qorti b’rabta mas-sejba ta’ aktar minn 30 kilo raża tal-kannabis fil-Ħamrun. It-tliet persuni ġew arrestati lbieraħ f’rejd li sar mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti minn Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. It-tliet irġiel, li wieħed minnhom kienu ilu biss xahrejn igawdi mill-ħelsien mill-arrest li tatu l-Qorti wara li s-sena l-oħra nqabad mill-Pulizija jdaħħal Malta 70 kilo raża tal-kannabis, baqgħu jinżammu arrestati fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.

Inqas minn 20 siegħa biss wara li ġew arrestati, Salvatore Coco ta’ 48 sena minn Katanja, flimkien ma’ Michael Aquilina ta’ 45 mill-Mosta u Gordon Schembri ta’ 31 sena mill-Floriana, tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar u importazzjoni, kif ukoll b’kompliċita fit-traffikar ta’ droga kannabis. Jinsabu akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus.

Jitressaq l-Isqalli Salvatore Coco

L-Isqalli Salvatore Coco tressaq seperatament miz-zewg Maltin quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli. L-Ispettur Jonathan Cassar spjega li l-Pulizija kellha informazzjoni li Coco kien se jimporta d-droga f’Malta.

Qal li meta l-Pulizija marru f’kumpless ta’ garxxijiet fi Triq San Vinċenz, il-Ħamrun sabu vann bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-Italja u fih sabu 32 kilo kannabis, kif ukoll żewġ boroz b’€21,000 fi flus kontanti f’kull borża.

Coco wieġeb li mhux ħati u permezz tal-Avukat tal-Għajnuna Legali, Benjamin Valenzia, talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u l-qorti ririfjutat it-talba għal-libertà proviżorja.

Jitressqu Michael Aquilina u Gordon Schembri

Wara tressqu, Michael Aquilina u Gordon Schembri. L-Ispettur Cassar qal li l-Pulizija sabet lil Schembri kien fil-garaxx waqt li Michael Aquilina instab f’karozza oħra fl-istess triq, f’ċirkostanzi li juru li kienu flimkien f’dan ir-reat. Aquilina u Schembri wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom. Iż-żewġ akkużati ma jwiġbux għad-domandi tal-Qorti meta ntalbu d-dettalji personali.

L-Avukat Kathleen Grima li qed tiddefendi liż-żewg Maltin talbet għall-ħelsien mill-arrest għall-fatt li l-Pulizija, la sabet flus u anqas droga fuqhom. Qalet li huma tressqu l-Qorti wara l-istqarrija li għamel fuqhom l-Isqalli mal-pulizija.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura serja tar-reat. Dwar, Michael Aquilina, l-ispettur Cassar fakkar li f’Settembru illi għadda dan tressaq il-Qorti wara li nqabad idaħħal Malta 70 kilo kannabis fuq speedboat fl-Għadira u fit-2 ta’ Novembru ngħata l-ħelsien mill-arrest. Gordon Schembri huwa akkużat li hu reċediv. Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest waqt li ordnat l-iffrizar tal-assi tat-tliet akkużati.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Tinqabad 30 kilo droga waqt rejd fil-Ħamrun

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar