Knisja Maltija
L-Isqfijiet imħassba dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza

L-isqfijiet ta’ Malta qalu li l-ugwaljanza vera trid tirrispetta lil kulħadd, tagħti spazju għad-differenzi u tiċċelebrahom mhux teliminahom. Huma esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-implikazzjonijiet serji dwar ċerti klawzoli fl-abbozz tal-liġi dwar l-ugwaljanza li qed ikun diskuss fil-parlament dwar l-ugwaljanza u t-tneħħija ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni.

Fl-istqarrija tagħhom l-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jgħidu li l-Knisja ma tistax ma tisseħibx mal-isforzi kollha li qed isiru biex ikun hawn l-ugwaljanza u tinqered kull forma ta’ diskriminazzjoni, iżda fl-istess ħin ħassew li ma jistgħux ma jesprimux it-tħassib tagħhom dwar ċerti klawzoli fl-abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza li għandhom implikazzjonijiet serji għax se joħonqu l-libertà tal-bniedem.

L-isqfijiet appellaw li jibqa’ jitħares id-dritt tal-ġenituri li jagħżlu liema skola jixtiequ għal uliedhom. B’hekk ikun salvagwardjat id-dritt tal-ġenituri – li huma sejħu bħala fundamentali – li l-edukazzjoni u t-tagħlim li jirċievu wliedhom ikun b’konformità mal-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom. Appellaw biex il-prinċipji, il-valuri u l-etos tal-iskola ma jiġux mgħoddija biss waqt il-lezzjoni tar-reliġjon, imma f’suġġetti varji inkluż il-PSCD, l-istorja, il-letteratura, it-tagħlim ambjentali, ix-xjenzi, il-lingwi u suġġetti oħra. Jgħidu wkoll li l-liġi dwar l-ugwaljanza għandha tinkludi d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza. Dan biex ikun assigurat li ħadd ma jiġi mġiegħel jagħmel jew ikun parti jew jippromwovi jew saħansitra jieħu sehem f’attivitajiet li jmorru kontra l-kuxjenza u l-prinċipji u valuri li tħaddan dik il-persuna.

L-isqfijiet qalu li għandu jkun żgurat li ma jinħolqux strutturi paralleli għal dawk tal-qrati tal-pajjiż li bil-għan li jippromwovu l-ugwaljanza, ikunu fil-prattika u indirettament qed joħonqu drittijiet oħra u jagħmluha iktar diffiċli għall-persuni li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tagħhom.