Immigrazzjoni
L-Isqfijiet jappellaw għal solidarjetà konkreta mal-immigranti

Ilhom tmint’ijiem fuq il-baħar 32 immigrant li ġew salvati mill-għaqda mhux governattiva Ġermaniża “Sea Watch”. L-għaqda qalet li għamlet kuntatt ma’ ħames stati Ewropej, li s’issa ħadd minnhom ma’ aċċetta li jagħti kenn lill-immigranti li hemm fuq il-bastiment tagħha. Il-maġġoranza tal-immigranti abbord huma min-Niġerja, il-Libja u l-Kosta tal-Avorju.

U ntemmet il-Ġimgħa s-saga ta’ bastiment ta’ għaqda mhux governattiva Spanjola li daħħal 308 immigranti f’port fin-nofsinhar ta’ Spanja. Il-bastiment tella’ abbord lill-immigranti lil hinn mill-kosta Libjana. Huma kienu ilhom fuq il-baħar ġimgħa u vvjaġġa aktar minn elfejn mil sakemm daħal fil-port Spanjol ta’ Algeciras. Diversi stati Ewropej irrifjutaw it-talba tal-bastiment biex jaċċettaw lill-immigranti. Malta kienet tat kenn lil tnejn minn dawn l-immigranti – omm u tarbija tat-twelid – li nġiebu b’helikopter tal-Forzi Armati u ttieħdu l-isptar għall-attenzjoni medika.

Għall-Isqfijiet Maltin, il-każijiet tal-bastimenti Open Arms u Sea Watch 3 joffru stedina lil Malta u lill-pajjiżi Ewropej għal solidarjetà konkreta. Fi stqarrija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qalu li għalihom hu ta’ tħassib serju meta l-Ewropa tirrifjuta li toffri kenn minflok tassisti, u meta tagħlaq flok tiftaħ il-bibien tagħha għal dawk maqbuda bejn sema u ilma. L-Isqfijiet irrikonoxxew l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin meta għenu lil omm u t-tarbija tagħha li nġiebu Malta mill-Forzi Armati.

L-Isqfijiet staqsew: x’jiswa lin-nisrani li jfakkar it-twelid ta’ tarbija u ma jfittix li jsalva lill-bnedmin u x’jiswa lis-soċjetà li tippromwovi l-ħajja u mbagħad tagħżel li tħalli lill-bnedmin f’nofs ta’ baħar wiċċ imb’wiċċ mal-mewt? Fakkru li dawn il-persuni għandhom ħtieġa urġenti ta’ għajnuna għax qed jaħarbu minn ambjent kiefer ta’ disprezz vjolenti tad-dinjita’ tal-bniedem u qed jaħarbu minn destin aħrax ta’ skjavitù u saħansitra ta’ tortura u mewt. Ir-rgħajja spiritwali tal-Maltin iħeġġew għal għażliet kuraġġużi li jkunu dejjem favur il-ħajja u għal solidarjetà li qalu għandha tesprimi ruħha mhux biss bil-fomm jew bil-flus iżda b’azzjoni konkreta.