Lokali
AĠĠORNAT: L-Isqof Grech se jinħatar kardinal – sar jaf għax ċemplulu minn Malta

L-Isqof Mario Grech se jinħatar Kardinal u jsir l-ewwel Għawdxi f’din il-kariga. L-aħbar ingħatat mill-Papa Franġisku llum wara t-talba tal-Angelus.

Isem Monsinjur Mario Grech – Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Isqof Emeritu ta’ Għawdex kien l-ewwel wieħed minn fost 13 li l-Papa Franġsiku ħabbar li se jinħatru Kardinali f’Konċistorju li ser isir fl-aħħar Sibt ta’ Novembru.

Persuni qrib Mons. Grech qalu lil TVM li l-aħbar kienet sorpriża għal kollox, tant li fil-ħin li l-Papa ta l-aħbar hu kien miexi f’Ruma, u kien xi ħadd minn Malta li ċempillu u infurmah li l-Papa kien semmieh.

Huwa t-tielet Malti li se jservi f’din il-kariga prestiġjuża, bl-aħħar wieħed il-Kardinal Prospero Grech miet fil-bidu ta’ din is-sena. Din hi l-ewwel darba li Għawdxi se jkun Kardinal wara li mexxa din id-djoċesi għal kważi 15-il sena. Hu se jkun fost il-Kardinali eletturi bi dritt li jieħu sehem f’konklavi għal ħatra ta’ kap tal-Knisja Kattolika. Sitta mill-Kardinali l-ġodda huma Taljani fosthom Patri Raniero Cantalamessa, li hu l-predikatur tal-Papa.

In-nomina ta’ Kardinal Malti ntlaqgħet b’ferħ mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

Il-President George Vella, awgura lil Monsinjur Grech li f’dan l-irwol ġdid jagħmel użu mill-għarfien, id-determinazzjoni u l-esperjenza vasta tiegħu għall-ġid komuni.

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-gvern qalu li l-ħatra hi ta’ unur u privileġġ għall-Isqof Grech u għall-pajjiż kollu. Il-Gvern qal li Monsinjur Grech huwa magħruf għall-mod kif waqt id-diskorsi tiegħu jsemmi ħafna temi soċjali u kien jagħmel argumenti b’saħħithom ħafna favur it-tisħiħ tas-soċjetà.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li din il-ħatra hi għarfien xieraq mill-Papa għal ħidmet l-Isqof Grech u awguralu biex f’ħidmietu jkompli jiggwida ruħu mill-ġid sħiħ tal-persuna.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ferħu lid-djoċesi ta’ Għawdex u l-familja tal-kardinal-elett. L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Joseph Galea-Curmi wegħduh it-talb tagħhom biex ikompli jaqdi l-Knisja Universali skont ir-rieda ta’ Alla.