Lokali
L-Isqof Teuma jagħti ċ-ċurkett tiegħu lill-priġunieri

L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma ta ċ-ċurkett episkopali tiegħu lill-kappella tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin.

L-Isqof Teuma għamel dan waqt quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju ta’ Pinu, li għaliha kienu mistiedna għadd ta’ priġunieri li ttieħdu s-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex f’pellegrinaġġ organizzat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Matul il-quddiesa, l-Isqof Teuma wera ruħu kburi li kien qed jilqa’ lill-priġunieri f’din l-okkażjoni. Qal, li “qatt mhu tard biex nikkonvertu.” Waqt l-omelija, huwa ta ċ-ċurkett episkopali tiegħu lill-priġunieri biex jitpoġġa fil-kappella tal-faċilità korrettiva bħala turija ta’ rabta bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Aġenzija u l-priġunieri.

L-Isqof Teuma radd ħajr lill-Aġenzija talli laqgħet l-istedina tiegħu u estenda l-istedina tiegħu biex it-tali pellegrinaġġ jibda jsir kull sena.

Intant, ir-Rettur tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Dun Gerald Buhagiar ħabbar li l-għamara kollha li hemm bżonn għad-dar tal-irtiri u li qed tinbena taħt iz-zuntier tal-istess Santwarju se tinħadem mill-priġunieri.

Preżenti għall-quddiesa, fost l-oħrajn, il-Kardinal Mario Grech li ġie Malta minn Ruma.