Lokali
L-Isqof t’Għawdex jitlob maħfra lil dawk li batew minn abbużi fid-Djoċesi Għawdxija

F’ittra miftuħa lis-saċerdoti, reliġjuzi u lajċi Għawdxin, l-isqof ta’ Għawdex Anton Teuma għall-ewwel darba tkellem fil-miftuħ wara l-aħbar tal-allegati abbużi fid-Djoċesi Għawdxija. Huwa appella għas-sensittività dwar każi bħal dawn, talab maħfra u appella biex il-ġenituri jibnu relazzjoni u komunikazzjoni tajba ma’ wliedhom sa miċ-ċokon.

L-isqof Anton Teuma qal li l-aħbar tal-allegati abbużi sesswali fid-Djoċesi Għawdxija qanqlet rabja, uġigħ u inċertezzi. Huwa qal li mhu kompitu ta’ ħadd li jidħol fil-merti tal-każijiet partikolari għax dak hu xogħol il-Qorti li trid tagħmel xogħolha bir-reqqa bit-tama li tasal għall-verità tal-fatti. Qal li sakemm din il-verità toħroġ, il-ġudizzji personali li nagħmlu jkunu azzardati u minflok jgħinu jistgħu jxekklu t-tiftix għall-verità.

Qal li konxju li kull persuna hija responsabbli għal għemilha u għall-konsegwenzi li ġġib fuqha. L-isqof Teuma qal li huma ħafna dawk is-saċerdoti u reliġjuzi li jaqdu l-ministeru tagħhom b’fedeltà u dedikazzjoni imma jista’ jiġri li wħud flok ikunu tassew qaddejja għas-servizz tal-bniedem, jispiċċaw biex jabbużaw minn persuni vulnerabbli.

“B’qalb muġugħa nitlob maħfra lil dawk fostkom li xi darba jew oħra batew abbużi ta’ kull xorta fil-kuntest tal-Knisja, lilhom u lill-familjari tagħhom.

L-Isqof Teuma ngħaqad mal-pożizzjoni tal-Papa Franġisku u tenna bil-qawwa li ebda tip ta’ abbuż m’għandu jiġi ttollerat fis-soċjetà inqas u inqas fil-Knisja. Qal ukoll li tnieda helpline marbut mal-fergħa t’Għawdex tas-Sefeguarding of Minors biex il-vittmi u qraba tagħhom isibu appoġġ psikoloġiku li għandhom bżonn. Appella biex każijiet bħal dawn jiġu trattati bis-sensittività li jixirqilhom fil-midja.

“Min jaf ikunx aħjar jekk f’każi simili, l-awtorità assoluta tal-Qorti u l-ossessjoni li kollox u dejjem għandu jiġi kkomunikat fil-midja, jiġu ggwidati mill-esperjenza tax-xjenzi psikoloġiċi, biex titħares l-ewwel u qabel kollox l-integrità tal-persuna umana?

L-aħħar kelma kienet indirizzata lejn il-ġenituri biex jibnu relazzjoni tajba u komunikazzjoni tajba ma’ wliedhom, u wiegħed l-impenn tad-Djoċesi Għawdxija li tkompli timpenja ruħha b’iktar qawwa biex kull tifel u tifla ikollhom esperjenza pożittiva li tgħinhom jikbru u jiżviluppaw fi bnedmin u Nsara maturi.