Barranin
L-istat ta’ South Australia b’lockdown ibbażat fuq gidba ta’ pizzar bil-Covid-19

L-istat ta’ South Australia għamel lockdown ibbażat fuq gidba li qal raġel li marad bil-Covid-19 meta qal x’kienet ir-rabta tiegħu ma’ ħanut li jbigħ il-pizza. Nhar l-Erbgħa, beda lockdown strett wara li l-istat sab 36 infezzjonijiet ġodda ta’ coronavirus. Iżda dan seta ġie evitat kieku raġel li rriżulta pożittiv għall-Covid-19 qal il-verità li hu kien ħaddiem fil-ħanut li jbigħ il-pizza.

Minflok lill-awtoritajiet qalilhom li hu mar fil-ħanut biss biex jixtri pizza. Din l-informazzjoni skorretta wasslet lill-uffiċjali tas-saħħa biex jassumu li r-raġel seta’ ħa l-virus waqt li kien espost għal perjodu qasir ħafna u li l-virus għalhekk jittieħed minn persuna għal oħra ħafna aktar faċli milli kien maħsub/ L-awtoritajiet Awstraljani esprimew rabja għal dan u qalu li kieku r-raġel qal il-verità mill-ewwel, l-istat ta’ South Australia ma kienx ikollu għalxiex jagħmel sitt ijiem lockdown.