Barranin
L-Istat tal-Vatikan ma jistax jiġi mfittex fi qrati Ewropej dwar abbużi għax hu stat sovran

Il-Vatikan ma jistax jiġi mfittex fi Qrati Ewropej minħabba li huwa stat sovran u jgawdi mill-immunità. Dan ħareġ fid-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem nhar it-Tlieta meta ċaħdet kawża minn vittmi ta’ abbuż mill-kleru Kattoliku.

Dan kien l-ewwel każ għall-Qorti Ewropea li kellha tittratta mal-Istat tal-Vatikan. Grupp ta’ 24 persuna mill-Belġju, Franza u Ġermanja provaw ifittxu lis-Santa Sede u lill-mexxejja tal-Knisja Kattolika fil-qrati Belġjani fl-2011.

ll-vittmi allegaw li ġew abbużati minn qassisin meta kienu tfal. Huma fetħu kawża fil-qrati tal-Belġju qabel ma ħadu l-każ tagħhom fil-qrati Ewropej fl-2017. Fl-2011 huma talbu kumpens ta’ €10,000 għal kull vittma. Fl-2013 il-Qorti Belġjana ċaħdet it-talba minħabba li l-Vatikan huwa stat sovran li ma jistax jiġi mħarrek.

Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat din id-deċiżjoni u qalet li l-Qrati Ewropej m’għandhomx ġurisdizzjoni fuq il-Vatikan.

Bħalissa l-Knisja Kattolika qed taffaċja numru ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali mill-kleru. Rapport li ġie żvelat kmieni dan ix-xahar, fi Franza, madwar 216,000 tifel u tifla sfaw vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-Knisja Kattolika sa mill-1950. 

B’reazzjoni, il-Papa Franġisku kien qal li jinsab imdejjaq u mistħi għall-mod kif il-Knisja Kattolika ma rnexxilhiex tindirizza l-abbużi sesswali ta’ tfal fi Franza.