Barranin
L-Istati Uniti u l-Ewropa mħassba minħabba ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija

Iż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija qed jikkawżaw tħassib fost il-mexxejja fl-Ewropa u fl-Istati Uniti hekk kif il-prezzijiet tal-gass naturali fl-Ewropa żdied bi kważi sitt darbiet u fl-Istati Uniti huma l-ogħla fl-aħħar tnax-il sena. Din is-sitwazzjoni qed tagħmel pressjoni globali minħabba li l-provvisti tal-enerġija m’humiex se jkunu biżżejjed għax-xitwa.

L-Unjoni Ewropea timporta madwar disgħin fil-mija tal-gass tagħha, partikolarment mir-Russja b’għadd ta’ membri fil-parlament Ewropew jallegaw li l-kumpanija nazzjonali tal-enerġija Russa l-Gasprom qed iżomm il-provvisti baxxi apposta biex ir-Russja tikseb l-approvazzjoni għall-pipeline tal-gass ġdid, in-Nord Stream 2 li l-gass minnu huwa trasportat lejn il-Ġermanja.

Il-proġett qed isib l-oġġezzjoni tal-Istati Uniti u wħud mill-pajjiżi Ewropej minħabba li qed jgħidu li se jagħmel l-Unjoni Ewropea iżjed dipendenti fuq il-provvisti Russi. Ir-Russja qed tiċħad li għandha xi aġenda politika.