Barranin
L-Istati Uniti u r-Renju Unit kritikati talli se jibnu sottomarin nukleari mal-Awstralja

L-Istati Uniti u r-Renju Unit jinsabu fil-mira ta’ kritika internazzjonali wara li l-President Amerikan Joe Biden ħabbar ftehim li ntlaħaq mal-Awstralja għall-bini ta’ sottomarin b’teknologija nukleari.

Din il-mossa qed titqies li t-tliet alleati jridu li jgħaqqdu l-forzi tagħhom kontra s-saħħa militari li qed tibni ċ-Ċina u anke l-influwenza tagħha biex tikkontrolla l-ibħra fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Wieħed mill-iktar pajjiżi urtata hu Franza. Il-Gvern Franċiż qal li dan il-ftehim sar minn wara dahru bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin Jean-Yves Le Drian qal li din it-tip ta’ deċiżjonji fakkritu fl-ex President Amerikan Donald Trump.

B’reazzjoni għall-aħbar, diplomatiċi Franċiżi f’Washington irtiraw l-attendenza tagħhom minn serata gala li kienet se tiċċelebra r-rabtiet bejn l-Istati Uniti u Franza.

Iċ-Ċina min-naħa tagħha ddeskriviet il-ftehim bħala wieħed b’mentalita’ tal-gwerra bierda fejn l-alleati bejniethom se jkunu qed iweġġgħu lilhom infushom u jheddu l-paċi u s-sigurtà tar-reġjun.

Il-Prim Ministru Ingliz Boris Johnson qal lir-Renju Unit ma għandu ebda intenzjoni li jkun avversarju għaċ-Ċina iżda l-pajjiż se jibqa’ determinat li tkun osservata l-ligi internazzjonali.