Edukazzjoni
L-istudenti fl-aħħar tas-sekondarja se jirċievu ċirkolari meta se jkomplu bl-eżamijiet

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri ħabbar li dalgħodu l-istudenti tal-Year 11, jiġifieri dawk li qed jattendu l-aħħar sena tas-sekondarja, se jirċievu ċirkolari b’meta se jkomplu l-eżamijiet li kienu għaddejjin bihom magħrufa wkoll bħala l-‘mock exams’.

Huwa żvela dan waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm TVAM fejn flimkien miegħu kien hemm il-President tal-MUT Marco Bonnici.

Dr Fabri qal li għalkemm dawn l-istudenti se jidħlu fiżikament fl-iskejjel fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla mit-Tnejn se jkomplu bit-tagħlim onlajn.

Bonnici wieġeb li huma konxji li se tinħareġ iċ-ċirkolari u waqt li semma kif għad jonqos dettalji x’jiġu diskussi lmenta li l-Gvern ħaseb għall-iskejjel tal-Istat iktar milli għal dawk tal-Knisja u indipendenti.

Dwar il-ftuħ tal-iskejjel b’mod ‘staggered’, jiġifieri fuq medda ta’ ġimgħa, il-President tal-MUT qal li din il-proposta kienet tagħhom madankollu sostna li ma jagħmilx sens li jinfetħu l-iskejjel kollha f’daqqa u riedu li dan isir klassi klassi.

Min-naħa tiegħu Dr Fabri rribatta billi qal li l-iskejjel setgħu nfetħu kollha f’daqqa kif qed jiġri f’pajjiżi oħra u nsista li rridu nirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet.

Huwa rrimarka li l-istudenti Maltin huma ixxurjati li t-tagħlim f’pajjiżna kompla, faħħar lill-edukaturi għall-ħidma li wettqu u ħeġġeġ lill-ġenituri li jikkritikawhom biex japprezzaw dak li qed jagħmlu.

Segwi hawn l-intervista sħiħa fuq TVAM: