Kultura
L-istudenti se jerġgħu jibbenefikaw mill-Culture Pass

L-istudenti se jingħataw l-opportunità li jerġgħu jibbenefikaw mill-Culture Pass.

Dan hekk kif studenti b’interess fl-arti u l-kultura se jkunu jistgħu japplikaw biex itellgħu sa massimu ta’ erba’ produzzjonijiet bil-għan li joħorġu l-aspett kreattiv tagħhom u joqorbu iktar lejn il-kultura.

Bit-tama li s-sena li ġejja l-attivitajiet ikomplu minn fejn ħallew qabel il-pandemija tnediet edizzjoni oħra tal-Culture Pass.

Disgħin elf student u studenta minn 50 skola jistgħu jibbenefikaw mill-Culture Pass li tintuża biex ikunu jistgħu jattendu f’attivitajiet kulturali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana saħqet fuq l-importanza tal-Culture Pass għal diversi ragunijiet fosthom li l-istudenti jiġu motivati bi produzzjonijiet apposta għalihom, inċentivi għall-artisti b’ideat ta’ produzzjonijiet u attivitajiet li jqarrbu t-tfal dejjem iżjed lejn il-kultura.

“Dan huwa proġett suċċess li matul is-snin stajna nibnu fuqu però ovvjament wieħed irid iħares lejn l-edukazzjoni b’aktar mod ħolistiku u iktar wiesa’ jiġifieri l-istudenti taghna mhux biss irridu nippreparawhom akkademikament biċ-ċertifikati”.

Hija tgħid ukoll li l-arti u l-kultura fi żminijiet bħal dawn għenu lill-istudenti jħossuhom anqas iżolati permezz tal-kreattività li jagħtu riżultati pożittivi.

“Tara ukoll eżempju fil-kitba … li jużaw vokabolarju kkulurit u jkollhom aktar idejat fil-mod kif jiktbu l-komponimenti, per eżempju”.

Il-Ministru għall-Arti u l-Kultura Jose’ Herrera qal li ebda edukazzjoni ma hija kompluta mingħajr l-għarfien kulturali b’dan il-qasam huwa wkoll mezz ghall-impieg.

Dan, qal il-Ministru Herrera, għandu jkun raguni biex iżjed studenti jiġu esposti għall-attivitajiet kulturali u żied li 7.6% tad-dħul tal-Gvern kien mill-produzzjonijiet kulturali.

“Malta timpjega 12,000 ruħ u fuqhom f’din l-industrija u tikkontrubwixxi 7.6% tal-Prodott Gross Domestiku tagħna mela irridu nuru lill-istudenti li l-karrieri mhumiex biss dawk tradizzjonali”.

Huwa żied li applikaw 40 skola is-sena li għaddiet minkejja li l-pandemija ma ħallithomx jagħmlu xejn fiikament u li s-sena li ġejja hemm inizjattivi ġodda li jgħinu kemm lil min itella’ l-produzzjonijiet kif ukoll lill-istudenti.

“Mela kull min itella’ il-produzzjoni minflok ma jħallas l-istudent jithallas €5 għal kull student li jattendi u ovvjament inħallsuh aħna. Dak huwa l-iskop tagħna”.

Min huwa interessat japplika jista’ jagħmel dan mil-lum billi jidħol fis-sit elettroniku tal-Kunsill Malti għall-Arti fejn għandu ċans japplika għal massimu ta’ erba’ produzzjonijiet.