Edukazzjoni
AĠĠORNAT: L-istudenti se jibdew l-iskola fi ġranet differenti f’Ottubru

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar li, filwaqt li l-edukaturi se jidħlu lura għax-xogħol fit-28 ta’ Settembru kif skedat, l-istudenti se jibdew jidħlu lura mis-7 t’Ottubru.

L-istudenti tal-istat tal-età obbligatorja se jibdew is-sena skolastika fi ġranet differenti skont is-sena tagħhom, u sal-14 t’Ottubru l-istudenti jridu jkunu daħlu l-iskola kollha.

Intqal li l-ġenituri u l-kustodji se jkunu qed jirċievu informazzjoni dettaljata llum stess mill-iskejjel tagħhom.

Il-Ministeru tenna li l-ġenituri u l-kustodji se jingħataw il-libertà li jagħżlu jekk jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola jew le, u kulma għandhom jagħmlu hu li jinformaw lill-iskola bid-deċiżjoni tagħhom. Żied li se jkunu pprovdu lezzjonijiet rekordjati fuq l-internet bla ħlas.

Intant, bejn it-30 ta’ Settembru u t-13 ta’ Ottubru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed testendi s-servizz tagħha ta’ ‘Bridge Holidays’ bejn is-7:00 am u s-2:30 p.m. fiċ-ċentri tagħha bla ħlas. Fl-istess waqt, b’effett mit-30 ta’ Settembru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed tibda toffri wkoll is-servizz ta’ Klabb 3-16, mis-2:30 pm sas-6:00 pm.

Il-Ministeru sostna li l-aqwa edukazzjoni għat-tfal tinkiseb fil-klassi, iżda l-Gvern se jirrispetta d-deċiżjoni ta’ kulħadd.

Iktar tard tħabbar li l-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja wkoll se jirritornaw fuq il-bank tal-iskola fi gruppi differenti bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru.

Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qal li, skont id-direzzjoni maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Union tal-Għalliema, mhux se jkun jista’ jsir tagħlim online sas-6 ta’ Ottubru. L-edukaturi tal-iskejjel tal-Knisja se jirritornaw fl-iskola tagħhom fid-data li diġà kienet stabbilixxiet l-iskola.

B’reazzjoni, l-MUT qalet li qed tilqa’ d-deċiżjoni mħabbra mill-Gvern. Sewgi iktar hawn:

L-MUT tilqa’ d-deċiżjoni li jiġi pospost il-ftuħ tal-iskejjel

Għal din id-deċiżjoni rreaġixxa wkoll il-Partit Nazzjonalista:

Il-Partit Nazzjonalista b’għadd ta’ suġġerimenti dwar il-ftuħ tal-iskejjel