Lokali
L-istudenti tal-mediċina jtennu l-pożizzjoni favur l-għoti tat-tilqima kontra l-Covid-19

L-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina ta’ Malta (MMSA) tenniet il-pożizzjoni tagħha favur it-tilqima u ddiżassoċjat ruħha mill-opinjoni personali ta’ dawk l-istudenti li esprimew il-ħsibijiet tagħhom kontra l-vaċċin tal-COVID-19.

Fi stqarrija, l-MMSA qalet li l-maġġoranza assoluta ta’ aktar minn 700 membru tal-MMSA jirrikonoxxu l-evidenza xjentifika ċara li turi li t-tilqima kontra l-COVID-19 hija waħda effettiva u sikura, u li hi għodda importanti sabiex niġġieldu l-pandemija tal-COVID-19.

Qalet li numru kbir ta’ studenti tal-mediċina kienu ta’ għajnuna fil-ġlieda tal-pajjiż kontra l-pandemija, billi għenu fl-għoti tat-tilqima lill-pubbliku. Barra minn hekk, qalet li l-istudenti tal-mediċina huma kważi kollha mlaqqma kontra l-COVID-19.

Għaldaqstant, l-MMSA qalet li tappoġġja bis-sħih il-pożizzjoni li ħadet il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u ħeġġeġ lill-membri tal-pubbliku sabiex jitlaqqmu.

Matul il-pandemija l-MMSA appoġġjat l-għoti tat-tilqima permezz ta’ diversi kampanji fil-midja soċjali, kif ukoll ippubblikat policy paper li tisħaq fuq l-importanza tat-tilqima u tindirizza xi ideat li jistgħu jkunu żbaljati f’dan ir-rigward.