Edukazzjoni
L-istudenti universitarji żiedu s-sigaretti u l-kannabis tul il-pandemija

Studju li sar fost madwar tmien mitt student universitarju wera li l-pandemija ġabet ħafna biża’, tant li kważi erbgħa minn kull għaxra rrappurtaw żieda fis-sigaretti u kważi 47 fil-mija qalu li żiedu l-użu tal-kannabis.

Fl-istudju nstab li l-pandemija żiedet is-solitudni u d-dipressjoni waqt li nstab ukoll li l-istudenti nisa u dawk li huma aktar reliġjużi jibżgħu aktar mill-COVID-19.

Il-perċezzjoni fost ħafna nies hi li l-imxija tal-COVID ħolqot ħafna ansjetà u inċertezza, iżda studju akkademiku li eżamina jekk hemmx rabta bejn il-pandemija, l-użu tas-sustanzi u l-aspett psikoloġiku, sab xejriet fattwali li jinħtieġu aktar diskussjoni u analiżi, kif spjegalna d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, il-Professur Andrew Azzopardi, li flimkien ma’ Jamie Bonnici u l-Professur Marilyn Clark ħadu ħsieb l-istudju fost 777 student mill-Università ta’ Malta.

“Ħolqot ħafna ansjetà u minħabba f’hekk jidher li l-istudenti li jabbużaw, per eżempju mis-sigaretti b’40%, dawk li kienu jixorbu l-alkoħol żdied bi kważi 30% u l-istudenti li jabbużaw mill-kannabis żdied bi kważi 47%,” spjega Prof Azzopardi.

L-istudju wera wkoll li l-pandemja ħolqot kundizzjonijiet emozzjonali oħra, tant li bejn sittin u sebgħin fil-mija tal-istudenti intervistati qalu li ħassewhom iktar nervużi, eżawriti, f’dipressjoni u f’solitudni.

Il-Professur Azzopardi qal li hu ċar li l-pandemija qed tħalli impatt psikoloġiku u emozzjonali kbir fuq ħafna nies, fosthom l-istudenti, u huwa importanti li mhux biss ikun hemm għarfien tal-effetti iżda kif dawn se jaffettwaw il-professjoni li dawn l-istudenti se jipprattikaw u jaħdmu fihom.

“Dan l-eżawriment, din l-għejja, dan in-nervożissmu, din it-tensjoni u din l-ansjetà ser ikunu qed jieħduha magħhom? U għalhekk dan hu element li tajjeb inkomplu nistudjawh ħalli nifhmu ftit mhux biss x’qed jiġri, mhux biss is-sentimenti x’inhuma, imma anke kif nistgħu nindirizzaw dak li għaddejjin minnu issa fil-futur.”

Fl-istudju, ir-riċerkaturi osservaw ukoll li l-istudenti li jħossuhom aktar reliġjużi kienu l-inqas li rrikorrew għas-sustanzi u li l-istudenti nisa l-aktar li qed jibżgħu mill-COVID.