Għawdex
L-istudju dwar il-metro jinsab fl-aħħar fażi tiegħu – Ian Borg

Għadha attiva ħafna fuq l-aġenda tal-gvern l-idea li Malta jkollha sistema ta’ metro, tant li l-Ministru Ian Borg ikkonferma ma’ TVM li l-istudju dwar dan jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u mistenni jitressaq quddiem il-Prim Ministru.

Madanakollu, Dr Borg qal li dan mhux se jkun qed jieħu post il-mina bejn Malta u Għawdex kif ipproponiet il-Kamra tal-Kummerċ. Mistoqsi dwar il-proposta tal-Kamra tal-Kummerċ biex il-gvern jerġa’ jaħsibha fuq il-mina, il-Ministru Borg stqarr li l-Gvern hu impenjat li jwettaq dan il-proġett.

L-idea li jkun hemm sistema ta’ trasport pubbliku taħt l-art għadha fil-pjani tal-Gvern, tant li l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, ikkonferma ma’ TVM li l-istudji immaturaw sal-punt li l-Gvern irid jieħu d-deċiżjonijiet li jmiss.

”Ir-rapporti relatati ma’ mass transport speċjalment tal-metro taħt l-art jinsabu avvanzati u kelli l-okkazjoni nitkellem fil-qasir mal-Prim Ministru. Imma ħa jkolli ċ-ċans li nagħmel preżentazzjoni dettaljata, biex ngħaddu għat-tnedija u l-konsultazzjoni pubblika dwarha.”

Il-kumment tal-Ministru Borg sar fid-dawl ta’ sejħa mill-Kamra tal-Kummerċ li qed tħeġġeġ lill-Gvern jerġa’ jaħsibha dwar il-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex u minflokha jikkunsidra sistema ta’ metro b’konnettività ma’ Għawdex. Dr Borg argumenta li proġett ma jeskludix lill-iehor.

”Din ma teskludix il-wegħda li kellna mal-Għawdxin fuq kollox, li kienet marbuta f’manifest elettorali, in-nies u l-parlamentari kollha vvutaw għaliha, il-Gvern u l-Oppożizzjoni flimkien. Inkomplu għaddejjin bl-implimentazzjoni tagħha ukoll.

Il-Ministru Borg qal dan meta inawgura xogħol infrastrutturali li sar fi Triq il-Mensija, f’San Ġwann. Il-Ministru Borg qal li din hija fost 130 triq residenzjali li tlestew minn Infrastructure Malta fl-ewwel sena tal-proġett ta’ seba’ snin biex b’investiment ta’ €700 miljun isiru toroq kollha. Qal li kieku baqgħu f’idejn il-kunsilli lokali, toroq bħal Triq il-Mensija li fiha tul ta madwar nofs kilometru qatt ma setgħu jsiru għaliex il-kunsilli m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jagħmlu dan.

Dr Borg qal li bħalissa għaddej xogħol fuq 50 triq oħra waqt li 150 triq oħra se jibda x-xogħol fuqhom fil-jiem li ġejjin. Spjega li dawn huma apparti l-proġetti f’toroq prinċipali li qed isiru b’investiment ta’ €64 miljun.

Intant il-Kamra tan-Negozju f’Għawdex qalet li filwaqt li taqbel ma’ numru ta’ rakkomondazzjonijiet li saru mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriżi fid-dokument dwar il-viżjoni ekonomika, ma taqbilx li l-Gvern għandu jirrikunsidra l-proġett tal-mina. Sostniet l-argumenti tagħha favur il-proġett biex Għawdex jilħaq il-potenzjal ekonomiku tiegħu.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Claudio Grech ippropona li l-għajnuna li ħabbar il-Gvern għal setturi li ntlaqtu mill-pandemija tkun estiża lill-ħaddiema kollha li ntlaqtu mill-imxija. Ippropona ukoll…

Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

Aktar