Barranin
L-Italja b’taħditiet dwar Super Green Pass u l-ilbies obbligatorju tal-maskra

Il-Gvern Taljan għaddej b’taħditiet mal-mexxejja reġjonali Taljani biex jiġi stabbilit jekk għandhomx jiħraxu l-miżuri tal-Covid-19.

Fid-dawl taż-żieda ta’ każi tal-virus, il-mexxejja reġjonali qed iressqu quddiem il-Gvern għadd ta’ proposti bil-għan li min jitlaqqam jiġi ppremjat.

Fost l-oħrajn, qed jiġi propost aġġornament taċ-ċertifikat tal-vaċċin minn Diċembru. Skont rapporti fil-midja Taljana, dan għandu jibda jissejjaħ Super Green Pass. Qed jiġi propost li ċ-ċertifikat ma jibqax jinkiseb permezz ta’ riżultat negattiv tat-test tal-Covid, iżda li għandu jingħata biss lil min hu mlaqqam jew fieq mill-virus.

Qed jiġi rrappurtat, li l-ħsieb huwa li l-pubbliku jitħalla jaċċessa l-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti fosthom barijiet, ristoranti, gyms, swali taċ-ċinema, mużewijiet, diskoteki u kumplessi sportivi, permezz tas-Super Green Pass biss. Għad irid jiġi stabbilit jekk dan għandux ikun il-każ anki biex titħalla tirkeb il-metro u biex tivvjaġġa b’tal-linja. Filwaqt, li test negattiv tal-Covid-19 għandu jkun biżżejjed biex wieħed jitħalla jidħol fuq il-post tax-xogħol kif ukoll biex jirkeb il-ferrovija u l-ajruplan.

Fis-sigħat li ġejjin, il-Gvern Taljan mistenni jieħu deċiżjoni wkoll dwar jekk il-maskra għandhiex terġa’ tibda tintlibes b’mod obbligatorju fil-beraħ. Il-moħħ wara din il-proposta huwa l-Gvernatur tal-Veneto, Luca Zaia.

Intant, ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem (Confindustria) u l-unjin tal-ħaddiema Taljana (CGIL) qed jaqblu li t-tilqima kontra l-Covid-19 fl-Italja ssir obbligatorja, bħalma tħabbar fl-Awstrija fl-aħħar jiem. Il-Ġermanja wkoll daħħlet fis-seħħ aktar miżuri restrittivi għal persuni mhux imlaqqma wara żieda allarmanti fil-każijiet. Wara dibattitu jaħraq il-Parlamentari Ġermaniżi vvutaw favur il-miżuri ġodda kontra l-pandemija fosthom li dawk li ma ħadux it-tilqima ma jitħallewx jużaw it-trasport pubbliku u lanqas imorru fuq il-post tax-xogħol inkella jrid ikollhom test negattiv.

Fl-Italja, ilbieraħ beda jingħata l-booster għal persuni ta’ 40 sena u fuqhom. Hu stmat li aktar minn seba’ miljun u nofs ċittadin Taljan ma jridux jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19.