Lokali
“L-Italja invażati biha – nemusa li tiflaħ għall-kesħa jaf tkun Malta dalwaqt”

Nemusa li tiflaħ għall-kesħa qed tinfirex b’ritmu mgħaġġel fl-Italja u jaf tirfes l-għatba ta’ gżiritna fix-xhur li ġejjin.

In-nemusa, Aedes koreicus, intlemħet għall-ewwel darba l-Italja fl-2011 fil-belt ta’ Belluno fir-reġjun tal-Veneto, u bħalissa l-Italja ta’ Fuq, partikolarment ir-reġjun tal-Lombardija, jinsab invażat biha.

Mistoqsi minn tvm.com.mt jekk din in-nemusa ġietx dokumentata f’Malta, ir-riċerkatur tal-pesti Arnold Sciberras qal li jidher li għad m’għandniex minnha. Żied, iżda, li jistma li sa sentejn oħra se jkollna minnha anki fi xtutna.

Is-Sur Sciberras spjega li din in-nemusa hija tal-istess familja tal-Asian tiger mosquito, li wkoll ġiet f’pajjiżna mill-Italja snin ilu u li llum hija meqjusa fost l-aktar speċi invażivi li għandna fil-gżejjer Maltin.

Ir-riċerkatur tal-pesti spjega li din in-nemusa, li hija ta’ kobor imdaqqas, hija partikolari għax fost l-oħrajn tiflaħ għall-kesħa. Qal, li n-nemus normalment jgħix f’postijiet sħan u s-soltu ftit li xejn jagħmel tiegħu t’temperaturi baxxi.

It-tingiż tal-Aedes koreicus, jekk ikun infettat, jista’ jwassal għal infezzjoni fil-moħħ (Japanese encephalitis) kif ukoll għal mard tal-qalb fl-annimali.

L-Aedes koreicus nibtet fil-Ġappun, fil-Grigal taċ-Ċina, fil-Korea t’Isfel u f’partijiet tar-Russja. Dan l-aħħar, iżda, instabet il-Belġju, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ungerija, fi Slovenja, l-Iżvizzera u l-Każakistan.