Barranin
L-Italja tarresta 19-il suspettat traffikant tal-immigranti

Il-Pulizija fl-Italja arrestaw 19-il persuna akkużati bi traffikar ta’ immigranti lejn l-Ewropa. It-traffikanti allegatament, trasportaw immigranti minn pajjiżi bħal l-Afghanistan, l-Iraq u l-Pakistan lejn l-Italja u mbagħad lejn pajjiżi oħra fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Fost l-arrestati hemm Iraqqin Kurdi, Afghani u Taljani.

Il-Pulizija ħabbru dan l-iżvilupp wara investigazzjoni li ilha għaddejja sentejn u li sabet rabta bejn is-suspettati u traffikanti fit-Turkija u fil-Greċja. Il-Pulizija bdew jinvestigaw dan l-allegat ċirku ta’ traffikar ta’ persuni meta dgħajjes li kienu qed iġorru l-immigranti bdew jaslu fil-belt ta’ Sirakuża fi Sqallija fl-2018. Il-Pulizija qalu li kull immigrant kien ħallas mas-€6,000.

Prosekuturi qalu li l-immigranti nġiebu mit-Turkija u mill-Greċja lejn l-Italja fuq dgħajjes bil-qlugħ li jew inkrew jew kienu misruqa. Dawk li kienu jsuqu d-dgħajjes kienu jitħallsu mal-€1,000. Wara huma kienu jivjaġġaw lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ewropa jew kienu jingħataw l-għażla biex jibqgħu fl-Italja.

Skont l-investigaturi, gruppi speċifiċi mal-pajjiż kellhom xogħol speċifiku. Dawk f’Bari fin-naħa t’isfel tal-Italja kienu responsabbli mill-akkomodazzjoni tal-immigranti u kienu jipprovdulhom dokumenti ta’ residenza li jippermettu lill-immigranti jiċċaqilqu mal-pajjiż kollu.