
Il-gvern Taljan imblokka l-esportazzjoni ta’ 250,000 vaċċin tal-kumpanija Oxford-AstraZeneca lejn l-Awstralja.
Dan it-tilqim ġie mmanifatturat f’faċilità li l-kumpanija għandha fl-Italja.
L-Italja hija l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li qiegħed juża regolamenti ġodda Ewropej li jħalluh iwaqqaf l-esportazzjoni f’każ li kumpanija li tipprovdi l-vaċċin, tonqos milli tilħaq l-obbligazzjonijiet tagħha lejn l-UE.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li din id-deċiżjoni kellha l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-kumpanija AstraZeneca mistennija tipprovdi biss 40 fil-mija tat-tilqim maqbul li tesporta lejn il-pajjiżi Ewropej fl-ewwel tliet xhur tas-sena. Il-kumpanija waħħlet dan in-nuqqas għal problemi fil-produzzjoni.
F’Jannar li għadda, l-ex Prim Ministru Giuseppe Conte fisser bħala inaċċettabbli d-dewmien fil-konsenji tal-vaċċin minn AstraZeneca u Pfizer u akkużahom li kienu qegħdin jiksru l-kuntratti tagħhom.