Barranin
L-Italja tinsab f’salib it-toroq

Il-President tal-Italja, Sergio Mattarella temm il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-kapijiet tal-gruppi politiċi dwar il-kriżi politika wara li jumejn ilu sfaxxa l-gvern ta’ Conte. Is-sensazzjoni hija li l-partiti jridu jmorru għal elezzjoni oħra. Wara madwar sagħtejn ta’ riflessjoni, il-President mistenni jindirizza lill-ġurnalisti f’dawn il-ħinijiet.

Il-mexxejja tal-gruppi politiċi l-kbar fl-Italja ltaqgħu mal-President Sergio Mattarella fil-Quirinale. Id-delegazzjoni ta’ Fratelli d’Italia, immexxija minn Giorgia Meloni fetħet it-tieni u l-aktar jum kruċjali ta’ konsultazzjonijiet mal-President Mattarella bil-għan li jsib it-triq ‘il quddiem, wara l-kriżi politika tal-gvern Taljan, li sfaxxa jumejn ilu bir-riżenja tal-Prim Ministru Giuseppe Conte.

Giorgia Meloni qalet li għall-Fratelli d’Italia l-unika soluzzjoni hija elezzjoni oħra.

“Għall-Fratelli d’Italia, l-elezzjonijiet huma l-unika soluzzjoni u hekk għedna lill-President Sergio Mattarella. L-unika soluzzjoni possibbli u l-unika soluzzjoni rispettuża għall-Italja u fl-aħjar interess tagħha u tal-poplu.”

Il-laqgħat tal-President Mattarella komplew mal-Partit Demokratiku u Forza Italia. Il-Partit Demokratiku qal li lest li jħalli l-bieb miftuħ għal negozjati ma’ forzi politiċi biex jifforma gvern gdid.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Nicola Zingaretti “jiġifieri mhux Gvern akkost ta’ kollox. Hemm bżonn Gvern ta’ bidla, alternattiva għall-ideat tal-lemin, bi programm ġdid, b’saħħtu, b’bażi parlamentari u li jista’ jagħti tama għat-Taljani.”

Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Nicola Zingaretti qal li mingħajr dawn il-kundizzjonijiet m’hemmx għażla oħra għajr l-elezzjonijiet.

Il-President ta’ Forza Italia, Silvio Berlusconi esprima tħassib dwar il-kriżi politika u l-mument sensittiv li jinsab fih il-pajjiż bħalissa.

“Triq waħda hemm: elezzjoniji bikrija”

Il-laqgħat komplew mad-delegazzjonijiet tal-Lega u l-Moviment Cinque Stelle li fl-aħħar leġiżlazzjoni kienu jiffurmaw gvern ta’ koalizzjoni. Il-Kap tal-Lega, Matteo Salvini qal li l-Italja ma tistax taħli l-ħin bi gvern maqsum u għandha tmur għall-elezzjoni. Huwa ħalla l-bieb miftuħ għal possibilità ta’ gvern mal-Moviment Cinque Stelle.

“Jien li jinteressani hu li għall-ħames snin li ġejjin, it-Taljani jkollhom Gvern li jaħdem, li jibni u li jħares ‘il quddiem b’unur.”

Il-Kap tal-Moviment Cinque Stelle, Luigi di Maio qal li l-moviment mhux se jħalli l-bastiment jegħreq.

“Aħna mhux se nħallu lit-Taljani jħallsu għal din il-kriżi. L-Italja hija aħna lkoll irrispettivament mill-kuluri politiċi u mill-interessi tagħna.”

Qed ikun rappurtat li skont stħarriġ li sar fl-Italja jekk it-Taljani joħroġ jivvutaw illum, il-Lega mmexxija minn Matteo Salvini titlef il-voti, filwaqt li jżidu l-Partit Demokratiku u l-Moviment Cinque Stelle.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Fl-Istati Uniti, mara kellha tagħmel operazzjoni wara li belgħet iċ-ċurkett tal-għerusija waqt li kienet rieqda. Jenna Evans ta’ 29 sena qalet li hi u l-għarus tagħha Bobby kienu fuq ferrovija u…

Barranin

Il-futboler Cristiano Ronaldo nfaqa’ jibki waqt intervista li saritlu minn Piers Morgan. Dan wara li qal li missieru, li kien jixrob qatt ma kellu l-opportunità jarah isir stilla. L-attakkant ta’…

Barranin

L-Istati Uniti ppubblika imaġini meħuda minn sateliti biex isaħħaħ l-argument tiegħu li l-Iran kien il-moħħ wara l-attakki li saru fuq ir-raffineriji taż-żejt fl-Arabja Sawdija. Min-naħa tiegħu, l-Iran qed jiċħad kull…

Brexit

F’taħdidiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Calude Juncker, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson mistenni li jagħmel enfasi li r-Renju Unit mhux lest li jipposponi Brexit wara l-31 ta’ Ottubru. F’laqgħa li…

Aktar