Barranin
L-Italja tinsab għarkupptejha quddiem l-imxija tal-Covid-19

Filmati minn sptar fi Cremona fit-tramuntana tal-Italja juri l-pressjoni enormi li din qed tpoġġi fuq is-sistema tas-saħħa. Sptar li suppost jesa’ 50 sodda bħalissa qed jilqa’ 120 pazjent. U agħar minnhekk kważi kwart tat-tobba u l-infermiera fl-isptar ġew infettati bil-virus.

Ħafna persuni jistaqsu għaliex il-pajjiż ġar b’popolazzjoni ta’ 60 miljun persuna spiċċa l-aktar wieħed li difen nies sa issa, kważi d-doppju taċ-Ċina u kważi tliet darbiet aktar minn Spanja.

Skont studju Ewropew, ma tgħin xejn l-età medja tat-Taljani li s-sena li għaddiet kienet fil-livell ta’ 45 sena, ogħla minn ta’ kull pajjiż ieħor fl-Ewropa. Iċ-ċifri juru li fl-Italja, l-età medja tal-mejta minħabba l-Covid-19 hija ta’ 78 sena u kważi 99 fil-mija minnhom kienu qed ibatu minn xi kundizzjoni qabel ġew infettati.

Għalkemm iċ-ċifri tal-aħħar sigħat jagħtu ftit tat-tama lit-Taljani minħabba tnaqqis fl-għadd tal-mejta f’temp ta’ 24 siegħa mqabbel mal-jiem ta’ qabel u żieda fl-għadd ta’ persuni li qed ifiequ, is-sitwazzjoni għadha kritika ħafna.

Minbarra l-lockdown nazzjonali li tħabbar ġimagħtejn ilu, il-Gvern Taljan kompla żied ir-restrizzjonijiet fil-movimenti tan-nies u issa pprojbixxa l-ivvjaġġar intern.

Fl-aħħar sigħat l-għajnuna għal-Italja bdiet ġejja minn kullimkien fosthom mir-Russja li bagħtet tobba u tagħmir mediku fuq ajruplan militari bil-messaġġ ‘From Russia with love’; u minn Kuba li bagħtet 36 tabib u 15-il infermier.

Dawn waslu fil-Lombardija, l-aktar reġjun milqut mill-virus li fl-aħħar jiem lanqas kellu spazju għall-mejta tant li minn Bergamo, l-Armata kellha ġġorr mat-tletin katavru lejn raħal żgħir ftit ‘l barra biex minflok jindifnu jgħaddu mill-proċess ta’ kremazzjoni.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwaraninta obbligatorja u ġew immultati tliet elef ewro kull wieħed. B’kollox saru 421 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet, 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina…

COVID-19

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni qiegħed jgħid li dan mhuwiex lockdown, meta fi kliemu, id-Deputat Prim…

COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’…

COVID-19

Analiżi xjentifika mill-istatistiku Dr Vincent Marmara tal-każi tal-coronavirus fil-kuntest tal-miżuri meħuda mill-awtoriajiet tas-saħħa Maltin, tagħti stampa inkoraġġanti għax ir-rata ta’ infezzjonijiet minn persuna għall-oħra tbaxxiet. Iżda, Dr Marmara wissa’ li…

Aktar