COVID-19
L-Italja kisret rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 – iżżid iż-żoni ħomor

l-Italja żiedet żewġ reġjuni oħra mal-ħamsa li diġà kienu klassifikati bħala żoni ħomor minħabba l-ammont kbir ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19.

Ilbieraħ il-Campania u t-Toscana żdiedu mal-lista ta’ reġjuni b’riskju għoli, li kienu l-Lombardia, Bolzano, Piedmonte, Valle d’Aosta u Calabria, biex mill-Ħadd se jitpoġġew taħt lockdown.

Persuni li jgħixu f’dawn ir-reġjuni għandhom joħorġu mid-dar biss għax-xogħol, għal raġunijiet ta’ saħħa jew għal emerġenzi. Barijiet, restoranti u ħafna ħwienet iridu jibqgħu magħluqa.

Id-deċiżjoni tħabbret ilbieraħ hekk kif l-Italja kkonfermat rekord ġdid ta’ każi pożittivi ta’ Covid-19 f’ġurnata; 40,902.

Il-konsulent tal-gvern Taljan dwar il-Covid, Walter Ricciardi, qal li l-Gvern għandu bejn ġimagħtejn u tlieta oħra biex jiddeċiedi jekk hux se jimponi mill-ġdid lockdown mal-pajjiż kollu.