Politika
L-Iżraeliti f’Malta b’petizzjoni lill-Gvern biex pajjiżhom jitniżżel fil-lista oranġjo

Il-komunità Iżraelita f’Malta ppreżentat lill-Gvern petizzjoni fejn qed titlob li l-Iżrael jitniżżel fil-lista oranġjo.

Hija qed tgħid li dawk li jiġu minn Iżrael m’għandhomx jagħmlu kwarantina sakemm it-test li jagħmlu meta jiġu Malta ma jirriżultax pożittiv.

Il-petizzjoni kienet iffirmata minn 61 Iżraelit u ġiet indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela, lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Ir-residenti Iżraeliti qalu li pajjiżhom jinsab fil-lista l-ħadra, diġà ta l-vaċċin lil aktar minn 65% tal-popolazzjoni u laħaq il-‘herd immunity’.

Huma semmew ukoll li l-Iżrael tant ikkontrolla l-firxa tal-virus li neħħa ħafna mir-restrizzjonijiet li kienu mposti fosthom dik li tintlibes il-maskra fil-pubbliku.

L-Iżraeliti żiedu jgħidu li l-fatt li anke Malta hija fost l-iktar pajjiżi li taw il-vaċċin jagħmilha naturali li jinfetħu l-fruntieri bejn iż-żewġ pajjiżi u ma jkunx hemm xkiel fl-ivvjaġġar bejniethom.

Il-komunità Iżraelita talbet lill-Gvern jikkunsidra li 50 pajjiż żiedu l-Iżrael fil-lista l-ħadra u sostniet li dawk fil-lista oranġjo huma pajjiżi li, kuntrarjament għall-Iżrael, għadhom qed jieħdu miżuri severi kontra l-firxa tal-pandemija.

Kien għalhekk li saħqet li l-Gvern Malti jikkunsidra t-talba tagħha u jinkludi l-Iżrael fil-lista oranġjo ħalli jkun aktar iffaċilitat is-safar bejn iż-żewġ pajjiżi.