L-iżvilupp illegali fl-Armier fost binjiet mhux koperti mill-skema tal-MEPA

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, Johann Buttigieg, qal li mhux l-illegalitajiet kollha ta’ żvilupp ser ikunu jistgħu jiġu regolarizzati bl-iskema li l-Mepa qed tfassal biex eluf ta’ każi ta’ ksur tal-liġi tal-ippjanar ikunu jistgħu jiġu regolarizzati. Fost il-bini illegali li mhux ser jiġi regolarizzat bl-iskema hemm il-boathouses fl-Armier u binjiet li telgħu fl-aħħar 20 sena ‘il barra miż-żoni tal-izvilupp.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg qal li m’hemm ebda ħsieb li jiġu regolarizzati l-illegalitajiet fi propjetà tal-Gvern, bħal boathouses fl-Armier u f’partijiet minn San Tumas, bl-iskema li qed tippjana l-MEPA biex jiġi regolarizzat żvilupp illegali.

Intervistat fil-programm TVAM, is-Sur Buttigieg spjega li mhux l-illegalitajiet kollha ser ikun jistgħu jiġu regolarizzati.

“Għal dak li huwa barra miż-żona tal-iżvilupp, dawk l-infringements li saru pre-1994 biss jistgħu jiġu rregolarizzati, allura għaddew minn fuqhom mill-inqas 20 sena,” spjega Johann Buttigieg.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA qal li l-iskema għad trid tigi diskussa u approvata mill-Bord tal-MEPA jew mill-Kabinett.

“Qed naraw li l-iskema ta’ regularization tkun miftuħa għal sentejn. L-ewwel sitt xhur għal min għandu enforcement notice u s-sena u nofs l-oħra għall-individwi normali li m’għandhomx enforcement notice,” qal Johann Buttigieg.

Huwa qal li l-iskema lanqas se tkun applikabbli għall-illegalitajiet f’Ħal Farrug, fejn qal li qed ikomplu jittieħdu l-passi meħtieġa.

“Tkomplija ta’ attività illegali bħala kostruzzjoni m’għadhiex għaddejja fuq il-post, li saħansitra kien għad hemm il-Pulizija fuq il-post biex nassiguraw li ma jkunx hemm iktar illegalitajiet. Għadu qiegħed ineħħi ammont ta’ illegalitajiet. Bħalissa għaddej bit-tneħħija ta’ scrapyard illegali kbira li hemm wara l-impjant,” spjega Johann Buttigieg.

Is-Sur Buttigieg qal li l-iskema għandha issir wara li tinqasam il-MEPA biex jinfirdu l-funzjonijiet tal-Ambjent u tal-Ippjanar.

Huwa qal li l-MEPA għandha informazzjoni anke fotografika tal-illegalitajiet kemm fiż-żoni ta’ żvilupp kif ukoll barra iż-żoni tal-iżvilupp. Għandha ukoll mal-10,000 avviż ta’ infurzar waqt li ammetta li bid-dejn li għandha l-MEPA mhix f’pożizzjoni li żżid ir-riżorsi fid-direttorat tal-infurzar.

Mistoqsi kemm se ddaħħal il-MEPA bl-iskema, s-Sur Buttigieg qal li f’dan l-istadju ma jistax jikkummenta dwar ċifri, iżda lanqas ċaħad rapporti li dehru fil-ġurnali li l-introjtu jista’ jaqbeż l-€20 miljun.