Lokali
L-iżvilupp ta’ shooting range ta’ livell internazzjonali f’Ta’ Kandja

Fl-inħawi f’Ta’ Kandja, miexi ġmielu x-xogħol fuq l-iżvilupp ta’ shooting range ta’ livell internazzjonali li se jintuża fil-kampjonat dinji tal-isparar li se jsir f’Malta f’Ġunju li ġej. Mifrux fuq għaxart’ijiem, fil-kampjonat mistennija jikkompetu mijiet ta’ tiraturi minn ħamsin pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima, qal li dan il-proġett kien imwiegħed fl-aħħar elezzjoni u bih Malta se ttejjeb l-infrastruttura sportiva għal diversi dixxiplini sportivi tal-isparar

Fi ftit jiem oħra huwa ppjanat li jitlesta l-ewwel fażi tal-proġett tax-shooting range f’Ta’ Kandja hekk kif bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet bi tħejjija biex Malta tilqa’ l-kampjonat internazzjonli tal-isparar f’Ġunju li ġej. Dan ix-shooting range se jkun attrezzat għad-dixxiplini tal-isparar trap, double trap u skeet.

Il-Perit Claude Mallia qal li dan il-proġett, qed isir fuq medda ta’ 26 tomna art tal-Gvern, li kienet tintuża mill-Pulizija għal karozzi skrapjati. Hu spjega li biex fost oħrajn jiġu mħarsa l-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà tan-nies fl-inħawi, ġiet installata xibka tal-aħħar teknoloġija għolja 15-il metru.

Il-Perit Claude Mallia qal ”hija maħsuba biex tilqa’ kull ċomba li se tiġi sparata. Il-plattina li se tintlaqat fuq il-pitch ovvjament iċ-ċomb tagħha se jiġu fuq it-turf. Dak se jinġabar u l-ilma jibqa’ nieżel fil-pjan. Iċ-ċomb li jaħbat max-xibka, se jinġabar fix-xibka u kull ċomba se tiġi riċiklata.”

Qal li b’hekk, anke l-ilma tax-xita, mhux se jiġi kkontaminat.

L-ilma li se jinżel se jibqa’ nieżel nadif u ma jkollux kuntatt maċ-ċomb. Se jinġabar fuq il-kanali li għandna taħtna, it-tul kollu tar-range, jibqa’ nieżel mas-site kollu u jinġabar f’ġibjun kbir fuq is-site.

Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima, qal li dan il-kumpless, barra mill-isportivi, se jintuża wkoll għat-taħriġ tal-Pulizija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima qal ”hawn numru ta’ ranges oħrajn li se jkunu qed jiġu mibnija fl-istess kumpless u l-Pulizija, iva se jkollhom l-użu kollu u l-ħinijiet kollha allokati li hemm bżonn għalihom sabiex jagħmlu użu mill-faċilitajiet li se jkunu state of the art.”

It-tiratur William Chetcuti qal li dan ix-shooting range professjonali ilu ħafna mixtieq mit-tiraturi.

It-Tiratur William Chetcuti qal ”Huwa proġett tal-ħolm għal kull tiratur li hawn ġo pajjiżna.”

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Maria Ellul u Daryl Azzopardi huma r-rebbieħa tal-konkors ta’ sbuħija Ms u Mr World Malta. Il-konkors sar ilbieraħ fi Pjazza Teatru Rjal il-Belt Valletta. Maria Ellul li għandha 24 sena…

Lokali

Il-kumpanija MaltaPost, qed isarraf fil-prattika il-kuncett tal-inklużjoni u mxiet pass ‘il quddiem minn dak stipulat fil-liġi. Numru ta’ ħaddiema b’diżabiltà ġew impjegati mill-MaltaPost għaċ-ċentru tagħha fix-Xewkija filwaqt li Jobs Plus…

Lokali

Il-fondi Ewropej għall-wireless internet b’xejn huma l-aktar popolari f’seba’ pajjiżi fosthom f’Malta. Is-seba’ pajjiżi huma l-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Italja, Malta is-Slovenja u r-Rumanija. L-iskema msejħa WiFi4EU attirat l-interess ta’ madwar…

Aktar