Infrastruttura
L-iżviluppaturi ta’ Townsquare jneħħu 11-il sular mill-pjanti oriġinali

L-iżviluppaturi tal-proġett kummerċjali u residenzjali Townsquare f’Tas-Sliema ppreżentaw pjanti ġodda lill-Awtorita tal-Ippjanar li fihom it-torri b’159 appartament se jkun għoli 27 sular, 37 metru jew ħdax-il sular inqas minn kif kien oriġinarjament.

Fi stqarrija, l-iżviluppaturi qalu li b’dan il-mod se jnaqqsu b’mod sinifikanti l-impatt viżwali tal-proġett.

Kważi tliet xhur ilu l-iżviluppaturi tal-proġett propost fil-qalba ta’ Tas-Sliema fuq medda ta’ 12,000 metru kwadru ntalbu jerġgħu jibdew il-proċess tal-applikazzjoni mill-bidu nett wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar laqa’ l-appelli separati li saru mill-Kunsill ta’ Tas-Sliema, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, u l-għaqdiet Din l-Art Ħelwa u Flimkien għal Ambjent Aħjar.

L-appelli ntlaqgħu fost l-oħrajn għaliex l-iżviluppaturi ma kinux ippreżentaw kif mistenni l-istudji dwar l-impatti ambjentali, soċjali u tat-traffiku. Fl-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat l-applikazzjoni għal dan il-proġett b’seba’ voti favur u sitta kontra.

L-iżviluppaturi ta’ Townsquare qalu li sittin fil-mija biss tas-sit se jinbena, bil-kumplament se jikkonsisti fi spazji miftuħin kif kien propost oriġinarjament biex fi kliemhom se tinħoloq l-akbar żona pedonali fiċ-ċentru ta’ Tas-Sliema. L-iżviluppaturi qalu li l-proġett għandu jdum ftit inqas minn erba’ snin biex jitlesta mill-mument li tiġi approvata l-applikazjoni li tinkludi r-restawr ta’ Villa Drago.