Lokali
L-iżviluppaturi tal-proġett Townsquare jgħidu li x-xogħol ta’ skavar ma jippreġudikax l-appell dwar il-proġett

L-iżviluppaturi tal-proġett Townsquare f’Tas-Sliema ltaqgħu mal-assoċjazzjoniijiet tar-residenti ta’ Qui-si-Sana u Tignè sabiex jiddiskutu l-miżuri li qed jittieħdu biex inaqqsu l-inkonvenjenzi għar-residenti.

Fi stqarrija Townsquare Developments Ltd qalet li tul il-laqgħa ġew iċċarati kunċetti żbaljati li dehru fil-midja.

Fl-aħħar jiem, tħabbar li l-proġett privat ta’ Townsquare se jibda bit-tħaffir.

Huma qalu li l-proċess tat-tħaffir b’ebda mod ma jippreġudika l-appell dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti permess għall-proġett.

Qalet li huma ngħataw permess biex jibdew ix-xogħol u ebda minn dawk li ressqu l-appell ma talbu biex ix-xogħol jiġi sospiż. Saħqet li x-xogħol tat-tħaffir bl-ebda mod ma jxekkel is-smigħ xieraq tal-appell.

L-iżviluppaturi qalu li kienu għażlu kuntratturi li jaħdmu b’makkinarju li jagħmel inqas storbju sabiex inaqqsu l-inkonvenjent.

Spjegaw li aktar minn 7,000 metru kwadru tal-plott ta’ 12,000 metru se jkunu ddedikati għal ispazji miftuħa għall-użu pubbliku.

Ara wkoll:

Il-proġett Townsquare se jibda jinbena x-xahar li ġej