Politika
‘L-iżviluppi li seħħew fil-każ Caruana Galizia mertu tal-pressjoni li saret mill-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili’ – il-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar jiem b’relazzjoni mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, huwa mertu tal-pressjoni tal-Oppożizzjoni u tas-Soċjetà Ċivili.

Dr Grech qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, fejn żied jgħid li l-iżviluppi f’dan il-każ lanqas waslu biss bil-mertu tal-istituzzjonijiet, iżda b’kumbinazzjoni. Waqt li esprima s-solidarjetà mal-qraba tas-Sinjura Caruana Galizia, qal li din din inqatlet minħabba atmosfera ta’ impunità li nħolqot mill-amministrazzjoni preċedenti. Amministrazzjoni li fi kliemu Robert Abela kien parti minnha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li jidher li hemm għaġla sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jiddikjara dan il-każ bħala magħluq, iżda Dr Grech qal li l-każ ikun magħluq biss meta ssir ġustizzja vera ma’ dawk kollha li kienu nvoluti fil-qtil u anke ma’ dawk li fi kliemu kienu nvoluti fil-cover up tax-xhur u s-snin ta’ wara.

Mistoqsi minn Television Malta jekk jemminx li f’dan il-każ xogħol il-Pulizija kienx wieħed effettiv, huwa qal li s-Sinjura Caruana Galizia inqatlet minħabba x-xogħol ġurnalistiku tagħha, u li kieku l-istituzzjonijiet ħadmu kif sippost din ma nqatlitx. Huwa temm billi rrikonoxxa l-ħidma tal-Pulizija iżda qal li dan mhuwiex mertu tal-Gvern preżenti.