Lokali
L-MCAST jiċħad it-tmiem vendikattiv tal-impjieg ta’ lettur – “wera nuqqas ta’ etika u attitudni mhux professjonali”

L-MCAST ċaħad id-dikjarazzjonijiet reċenti dwar l-allegat tmiem vendikattiv tal-impjieg ta’ Dr Peter Gatt.

Fi dritt għal risposta, l-MCAST spjega li Dr Gatt huwa għalliem fis-servizz pubbliku li huwa ‘detailed’ mal-MCAST biex jipprovdi servizz ta’ lettur.

Qal li għal diversi snin Dr Gatt wera nuqqas ta’ etika fix-xogħol u attitudni mhux professjonali, inkonsistenti mal-valuri ta’ komunità tal-Kulleġġ u l-ispirtu ta’ ħidma f’tim f’ambjent akkademiku.

Spjega li wara diversi rapporti dwaru mill-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, f’Ġunju 2020 il-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ beda l-proċeduri biex id-‘detailing’ jiġi revokat u biex Dr Gatt jerġa’ jieħu l-pożizzjoni tiegħu fl-iskejjel pubbliċi. Qal li għalhekk ma kien hemm l-ebda terminazzjoni tal-impjieg kif intqal fuq il-mezzi tax-xandir.

Qal li fl-istess żmien, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku bdiet proċeduri dixxiplinarji wara diversi vjolazzjonijiet tal-imġiba professjonali.

“L-intervent tal-Kummissjoni kien dovut għall-fatt li l-lettur għandu l-istatus ta’ uffiċjal tas-servizz pubbliku u mhux impjegat tal-MCAST. Il-bord tad-dixxiplina mwaqqaf mill-Kummissjoni ħareġ rapport fil-bidu tal-2021, li kkonferma u ssottolinja aktar is-serjetà tal-imġiba mhux etika ta’ Dr Gatt”, qal il-Kulleġġ.

Wara li l-fatti dwar l-imġiba tiegħu ġew investigati b’mod indipendenti, il-bord ikkunsidra dan il-każ bħala “serju li jista’ jwassal għal tkeċċija.”

L-MCAST enfasizzaw li l-bord tad-dixxiplina kien korp indipendenti u r-rapport sottomess lill-PSC u approvat minnha jiddeskrivi mġiba mhux professjonali u mhux etika, li kienet tinkludi nuqqas ta’ konformità mal-Kodiċi ta’ Etika li jirregola s-Servizz Pubbliku, imġiba ta’ nuqqas ta’ rispett, u nuqqas ta’ konformità mal-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ lettur.

Il-Kummissjoni sabet ukoll lil Dr Gatt ħati ta’ negliġenza fid-dmirijiet tiegħu u ddeskriviet ir-riżultat tax-xogħol tiegħu bħala “below standard”.
Ir-riżultat ta’ din l-investigazzjoni kien li huwa ġie sospiż mingħajr ħlas għal 15-il ġurnata, u nħarġitlu wkoll twissija ta’ tkeċċija mis-servizz pubbliku matul lerba’ snin li ġejjin.

Fid-dikjarazzjonijiet reċenti tiegħu fil-midja, Dr Gatt rrefera għall-MCAST bħala “istituzzjoni oppressiva”, u insinwa li “l-korruzzjoni hija rampanti fit-tħejjija ta’ units akkademiċi” u li l-programmi fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport huma “skaduti”.

B’reazzjoni, l-MCAST qal li l-fatti juru l-oppost ta’ dan kollu tant li fi stħarriġ li sar aktar kmieni din is-sena, 84% tal-letturi qalu li ma jarawx lilhom infushom jitilqu mill-MCAST, u 87% jirrakkomandaw il-Kulleġġ bħala post tax-xogħol. 90% tal-gradwati mill-Istitut MCAST tal-Inġinerija u t-Trasport għandhom impjieg, u 92% tal-istudenti qalu li l-kontenut tal-programmi huwa relatat sew mal-impjieg tagħhom illum.

Żied jingħad li kull unit fl-Istituti kollha tal-MCAST jinkiteb wara sejħa interna għal-letturi tal-Kulleġġ biex jiddisinjaw u jħejju dan it-tagħlim u li hemm proċedura rigoruża u trasparenti dwar kif kull unit jiġi approvat fil-livell tal-Bord tal-Istudji.

L-MCAST qal li jitlob għarfien espert, eċċellenza u professjonalità u mhux se jittollera negliġenza u nuqqas ta’ rispett lejn il-kollegi u l-proċeduri. “B’mekkaniżmu b’saħħtu ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u b’riżorsi adegwati li jassiguraw il-libertà akkademika b’responsabbiltà, il-Kulleġġ qiegħed kontinwament jikseb riżultati eċċellenti kif naraw minn rapporti mill-industrija u minn partijiet oħra interessati, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali”, temm jgħid il-Kulleġġ.