Edukazzjoni
L-MCAST jiftaħ il-bibien għal 11,000 student – kif qed isiru l-lezzjonijiet?

Iżjed minn ħdax-il elf student u studenta tal-Kulleġġ tax-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCAST bdew is-sena akkademika ġdida b’tagħlim fil-klassijiet u t-tagħlim virtwali. L-MCAST investa ħafna f’miżuri biex iħares u jipproteġi s-saħħa tal-istudenti u l-istaff minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Il-kulleġġ tax-xjenza u t-teknoloġja l-MCAST fetaħ il-bibien tiegħu għall-iżjed minn ħdax-il elf student, b’ iżjed minn sitt elef student full-time u iżjed minn ħamest elef student part-time, li se jsegwu korsijiet f’livell post-sekondarju u terzjarju, minn diplomas għal degrees u masters.

Il-Professur James Calleja li huwa l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ, qal li minkejja ċ-ċirkostanzi straordinarji ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ għoxrin fil-mija fl-għadd ta’ studenti li applikaw għal xi wieħed mill-korsijiet tal-MCAST.

Qal li dawn il-korsijiet se jkunu offruti b’ tagħlim virtwali u fiżiku, minħabba li hemm korsijiet li jirrikjedu iżjed prattika.

Il-Professur Calleja qal li l-MCAST investa sostanzjalment biex iħares u jipproteġi s-saħħa tal-istudenti u l-istaff minħabba l-imxija tal-Covid-19. “Diġà hemm ftehim bejn il-letturi u d-diretturi tal-istituti kif se jimxu fil-lezzjonijiet dak li huwa prattika bilfors iridu jsiru wiċċ imbwiċċ, però l-lezzjonijiet l-oħrajn se jsiru jew wiċċ imbwiċċ, jew ‘hybrid approach’, jew l-istudenti fil-klassijiet jekk ikun hemm numri żgħar.”

Il-Professur Calleja qal li hemm komponent qawwi ta’ studenti internazzjonali li se jattendu l-MCAST, bl-amministrazzjoni tittama li jkun fl-istess livell tas-sena l-oħra meta kien hemm 720 student barrani minn 72 pajjiż.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-MCAST, li ilu mwaqqaf għoxrin sena, naqqax postu bħala istituzzjoni post-sekondarja u terzjara li kiseb kredibbiltà minħabba l-kwalità tal-edukazzjoni li joffri lill-istudenti.

Qal li l-korsijiet tal-MCAST iwieġbu attivament għad-domanda tal-impjiegi billi l-istudenti jitħarrġu f’ħiliet u abbiltajiet mitluba fis-suq, b’enfasi fuq taħriġ speċjalizzat. “Aħna se nkomplu ninvestu għax aħna verament irridu li MCAST ikompli jimxi ‘l quddiem u jagħmel passi ta’ ġgant ‘il quddiem għall-ġid tal-istudenti u finalment għall-ġid tal-pajjiż.”

It-tnedija tas-sena akkademika ġdida saret b’parteċipazzjoni limitata minħabba l-Covid-19 bl-istudenti jkunu mħeġġa jipparteċipaw fl-avveniment b’mod virtwali.

Il-filmati is-servizz inġibdu qabel ma ddaħħlu r-restrizjonijiet tal-COVID.