Edukazzjoni
L-MCAST tistieden aktar kumpaniji u negozji jissieħbu magħha fl-iskema tal-apprendistat

L-MCAST qed tistieden aktar kumpaniji u negozji jissieħbu magħha fl-iskema tal-apprendistat u jikkunsidraw joffru opportunità ta’ xogħol u taħriġ lil madwar 1,500 student biex mill-bidu tas-sena d-dieħla jkollhom esperjenza fl-ambjent tax-xogħol li jixtiequ jagħmlu wara li jtemmu l-istudji tagħhom. Waqt li kumpaniji tal-manifattura u l-inġinerija diġà wrew interess fl-iskema, l-MCAST tixtieq li jkun hemm aktar opportunitajiet minn kumpaniji tal-marketing u l-amministrazzjoni.

Il-pandemija affettwat l-missjoni ewlenija tal-MCAST li tqarreb il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol mal-edukazzjoni permezz tal-iskema tal-apprendistat li tikkonsisti f’taħlita ta’ tagħlim ibbażat il-kulleġġ u taħriġ ibbażat fl-industrija bi tħejjija għall-għażla tal-karriera tal-istudent.

Id-Direttur tal-Apprentistat fl-MCAST, Martin Borg qal li l-Kulleġġ jemmen li l-apprendistat hu għodda kruċjali biex l-istudent jingħata ċ-ċans jiżviluppa l-kompetenzi tekniċi tiegħu b’esperjenza ta’ xogħol li għandu jibbenfika minnha wkoll min iħaddem. “Wara perjodu qasir li aħna nbassru li huwa bejn 8 u 10 ġimgħat, l-istudent mhux biss jitgħallem imma jkun jista’ jagħti lura lill-kumpanija u allura jiġi produttiv u jista’ jagħti l-ħila u t-tagħrif tiegħu lil employer”.

F’nofs Marzu li għadda l-iskema tal-apprendistat tal-MCAST waqfet minħabba l-imxija tal-COVID-19 u bi tħejjija għal bidu ta’ skema oħra f’Marzu li ġej, l-MCAST diġà tħajjar kumpaniji jissieħbu magħha fl-iskema u tassigura terz tal-1,500 opportunità t’apprendistat li trid toħloq għall-istudenti.

“Bi pjaċir ngħid illi għalkemm għad fadal iktar minn erba’ xhur diġà rnexxilna f’inqas minn sitt ġimgħat noħolqu opportunitajiet għall-istudenti ‘l fuq minn 500 opportunità tax-xogħol”.

Minkejja dan, l-MCAST qed tagħmel stedina lil aktar kumpaniji speċjalment fl-oqsma tal-marketing, tal-kummerċ u l-amministrazzjoni biex jikkunsidraw jissieħbu fl-iskema tal-apprendistat li ddum bejn sena u tliet snin.