Edukazzjoni
L-MCAST u l-ITS iħejju ruħhom biex jilqgħu lura lill-istudenti b’mod fiżiku

Jinsabu għaddejjin il-preparamenti fl-istituzzjonijiet post-sekondarji biex jilqgħu lura lill-istudenti b’mod fiżiku. TVM illum żar l-MCAST u l-ITS biex issegwi mill-qrib il-preparamenti għas-sena skolastika l-ġdida.

L-istituzzjonijiet post sekondarji qegħdin jaħdmu bi ħġarhom biex jerġgħu jilqgħu lill-istudenti fuq il-bankijiet tal-iskola. Minkejja li l-lezzjonijiet onlajn servew tajjeb tul dawn is-sentejn ta’ pandemija, ħafna urew ix-xewqa li jirritornaw l-iskola biex jingħataw l-esperjenza kompluta u jżommu kuntatt iktar dirett mal-għalliema u ma’ sħabhom.

L-MCAST u l-ITS huma fost l-istituzzjonijiet li ħa jilqgħu l-istudenti fiżikament fil-klassijiet, dejjem skont ir-regolamenti maħruġa mid-dipartiment tas-saħħa. Dawn jinkludu l-ilbies tal-maskra, it-teħid tat-temperatura u d-diżinfettazzjoni tal-idejn, l-imwejjed u s-siġġijiet, fost oħrajn.

Id-Deputat Direttur fl-Istitut tax-Xjenzi Applikati fi ħdan l-MCAST, Alison Zammit spjegat ma’ TVM kif se jkun il-pjan ta’ ħidma għas-sena skolastika l-ġdida.

“Il-klassijiet għamilniehom li jkun hemm metru bejn kull student u żewġ metri bejn l-għalliem, hekk kif inhu stipulat fil-protokol li ħareġ mid-dipartiment tas-saħħa. Id-desks se jkunu innumerati u l-istudent ħa jkun irid joqgħod bilfors fuq dik id-desk biex aħna nkunu nafu eżattament min qagħad fejn, ħalli hekk anke għall-contact tracing, inkunu nistgħu nagħmlu ċertu tracing, anke min-naħa tagħna aħna bħala skola.”

Anke meta tidħol il-prattika, l-MCAST qassam il-laboratorji tiegħu b’tali mod li jiġu rispettati r-regolamenti.

“Id-deskijiet huma kollha maqsumin f’area għal kull student ħa jkollhom sett individwali għalihom u fejn dawk li aħna qed insejħulhom hot desk, per eż. Fejn hemm il-balances u hekk, l-istudent jista’ jmur wieħed wieħed. Ma jistgħux imorru kollha f’salt biex iżommu dik id-distanza.”

L-istess protokolli qed jeħodhom l-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS, kif spjega l-Uffiċjal tal-Operat, Glen Farrugia.

“Fil-parti prattika, fejn jidħlu eż. Kċejjen, mhux dejjem tkun possibli, però hemmhekk inżommu mal-bubbles, nassenjaw grupp speċifiku fejn dan ma joqgħodx jinbidel kull darba u jkun hemm l-istess bubble li qed taħdem f’laboratorji differenti kuljum u f’ħinijiet stipulati.”

Ir-ritorn fl-iskejjel, madanakollu, ma jeskludix għalkollox il-lezzjonijiet onlajn. Glen Farrugia spjega kif mill-50 kors li jingħataw ġewwa l-ITS, 23 minnhom huma full-time, filwaqt li l-bqija huma part-time jew korsijiet qosra. Għaldaqstant, għal raġunijiet ta’ konvenjenza, xi wħud mill-korsijiet se jkunu jistgħu jibqgħu jittieħdu mid-dar.

“Dan huwa għodda imp ħafna, għaldaqstant aħna l-part time courses, anke għall-konvenjenza tan-nies li jaħdmu fl-industrija, ħa jibqgħu jingħataw online, il-courses li huma full time ukoll se jkun hemm element online, però l-maġġorparti tal-istudy programs se jingħataw ġewwa l-campus.”

Iż-żewġ istituzzjonijiet jinsabu ħerqana għar-ritorn tagħhom fil-bidu t’Ottubru u qed jirrakkomandaw li l-istudenti jsegwu r-regolamenti u jibqgħu d-dar jekk iħossuhom ma jifilħux.