Edukazzjoni
L-MCAST se jibda joffri programmi fil-livell ta’ Dottorat

Tragward ieħor għall-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) li se jibda joffri l-ewwel programm ta’ dottorat fl-analiżi tal-imġiba f’negozji żgħar.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja, qal li dan il-programm huwa xhieda ċara li l-MCAST qed joffri bilanċ fil-livelli ta’ programmi edukattivi mill-iktar livell baxx sal-ogħla livell.

Id-Deputat Prinċipal responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni fi ħdan l-MCAST, Dr Alex Rizzo, indika li l-programmi ta’ dottorat mistennija jiżdiedu fiż-żmien li ġej.

Huwa qal li dawn huma differenti minn Phd għax huma dottorati professjonali li għalkemm bl-istess grad huma marbuta mal-ħtiġijiet tal-industrija bl-għan li jsolvu problema reali fl-industrija.

“Bdejna b’din ‘small organisation behaviour’, it-tieni dotorrat iċ-‘chances’ huma li se jkun fl-Inġinerija u fix-Xjenzi Soċjali ‘including business’. Għandna pjan li fi żmien tleet snin ikollna erba’ dottorati”.

Il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela faħħar lill-MCAST għall-ħidma tagħha sabiex taqdi l-ħtiġijiet tal-industrija.

Huwa semma kif b’dan il-programm edukattiv li qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji l-MCAST qiegħda għal darba oħra turi l-viżjoni tagħhha fl-industrija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo saħqet li jeħtieġ li aktar membri tal-Kamra jfittxu li jagħmlu riċerka li tapplika għall-operat tagħhom.

“Aħna għandna membri tagħna li jiġu b’mistoqsija marbuta mal-istudji tagħhom. Aħna dik irridu nżiduha għax hemm element prattiku li joħroġ minnhom u flok ir-riċerka tibqa’ fuq l-ixkaffa tintuża fin-negozju biex jimpruvja”.

Ma’ TVM hija qalet li r-riċerka m’għandhix tibqa’ biss għodda għall-intrapriżi kbar iżda għandha tkun ukoll arma għall-negozji ta’ daqs żgħir u medju.