COVID-19
L-MCESD u l-Gvern jiltaqgħu bi tħejjija għall-budget ta’ rkupru

Inqas minn ġimgħa mill-budget addizzjonali li l-Gvern ser iressaq nhar it-Tnejn, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex flimkien taw ħarsa lejn is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-pajjiż qabel u wara l-pandemija. Fil-laqgħa, il-Ministru Scicluna spjega wkoll il-pożizzjoni li qed tieħu Malta dwar il-pakketti ta’ għajnuna li qed toffri l-Unjoni Ewropea lill-istati membri.

Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta r-rappreżentazzjonijiet li l-imsieħba soċjali speċjali mis-setturi ta’ min iħaddem għamlu lill-Gvern biex jingħata l-għajnuna minħabba li kienu milquta ħażin ħafna mill-istaġnar ekonomiku kkawżat mill-pandemija. Il-pass li jmiss issa huwa li l-gvern ikompli jwieżen b’inċentivi biex l-attività ekonomika terġa’ tirrranka.

Dan kien l-ispirtu tal-laqgħa bejn il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-imsieħba soċjali qabel nhar it-Tnejn il-Professur Scicluna jippreżenta fil-Parlament budget addizzjonali. Fil-laqgħa, il-Ministru Scicluna ta ħarsa lejn l-andament tal-ekonomija Maltija mill-indikaturi tal-istatistika li fost oħrajn urew li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, l-ekonomija Maltija sostniet it-tkabbir ekonomiku ta’ 0.5 fil-mija.

Il-Ministru Sclcluna qal li l-Budget ta’ nhar it-Tnejn ser ikollu numru ta’ inċentivi biex in-negozji u ċ-ċittadini Maltin jirkupraw il-kunfidenza ekonomika ħalli r-rota ekonomika terġa’ ddur. Huwa qal li l-gvern li fl-aħħar ġimgħat nieda pakketti ta’ għajnuniet kompla jikkunsidra l-proposti oħrajn li saru mill-imsieħba soċjali biex dan il-budget ikun wieħed effettiv għall-irkupru tal-ekonomija. Żied jgħid li dan mhuwiex żmien għal miżuri ta’ awsterita imma ta’ stimolu tal-ekonomija.

Il-Ministru spjega li Malta approvat l-erba’ pakketti ta’ għajnuna li tfasslu mill-Unjoni Ewropea għal pajjiżi membri b’sens ta’ solidarjetà. Żied jgħid iżda li fuq l-aħħar pakkett ta’ €750 biljun, filwaqt li Malta qablet fil-prinċipji, għandha riservi kbar dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li ser tkun qed targumenta fuqhom fil-Kunsill Ewropew għaliex bit-taxxi li qed tipproponi, jolqtu fil-laħam il-ħaj tal-ekonomija Maltija.

Il-Ministru fisser li bil-proposti tal-Kummissjoni, Malta b’differenza minn pajjizi oħra, ser tkun intitolat aktar għal self milli għal għotjiet.

Il-Ministru Scicluna qal li t-taxxi proposti mill-Kummissjoni fosthom fuq l-ivvjaġar bl-ajru u l-bunkering, mhumiex fl-interess ta’ Malta.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali Carmelo Abela rringrazzja lis-settur privat li żammew l-impjegati tagħhom u taw prova li l-ekonomija Maltija kienet riżeljanti anke f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli tal-pandemija.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Struttura tal-ħadid li se sservi bħala saqaf għall-wieħed miż-żewġ hangers il-ġodda tal-Kumpanija SR Technics f’Ħal Farruġ bħalissa qed tittella’ b’sistema li qed tintuża għall-ewwel darba f’Malta. L-istruttura li hija wiesa…

Qorti

Fil-Qorti, illum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-każ traġiku f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun, li fih tilfet ħajjitha Miriam Pace wara li spiċċat mirduma taħt it-tifrik. Fl-għeluq mill-4 xhur minn meta Miriam Pace tilfet…

Qorti

Guma Mohammed u Yousef Halef Abdel Hamid intbagħtu 4 snin ħabs kull wieħed u ġew ordnati jħallsu multa ta’ €8,691 kull wiehed għad-danni li kienu għamlu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal…

Kronaka

Il-pulizija kkonfermat ma’ TVM li persuna tilfet ħajjitha għall-ħabta tal-05:00 ta’ dalgħodu wara li ħanut fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa nbela’ min-nirien. L-identità tal-vittma għadha mhux magħrufa. Fuq il-post issejħu…

Aktar