L-MDA u l-Kamra tal-Periti jilħqu ftehim biex jissokta x-xogħol tal-bini

Għalkemm l-avviż legali l-ġdid dwar it-twaqqigħ u skavar ġab skossi fl-industrija tal-kostruzzjoni, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li ġimgħa wara d-dħul fis-seħħ tar-regolamenti l-ġodda, ġew aġġornati 60 dokument tekniku filwaqt li ssokta x-xogħol ta’ twaqqigħ u skavar f’aktar minn 520 sit.

Sadanittant, tħabbar li l-pubbliku se jkollu aċċess għad-dokumenti tekniċi tal-periti għax dawn se jibdew jittellgħu fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar għal iktar trasparenza. Il-Ministru Borg qal li b’dan il-mod, il-pubbliku jista’ jibgħat l-ilmenti tiegħi lill-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini f’każ li jkollu xi oġġezzjoni dwar xi aspetti f’dawn id-dokumenti.

Il-lejla l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi laqqgħet lill-membri għal laqgħa ta’ informazzjoni dwar il-bidliet li daħlu fis-seħħ.

Ġimgħa wara li daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar it-twaqqigħ u l-iskavar f’siti ta’ kostruzzjoni, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti qal li l-MDA u l-Kamra tal-Periti waslu għal ftehim biex jissokta x-xogħol fuq lantijiet fejn għaddej xogħol ta’ bini biss, mhux xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar.

‘Tkellimna mal-President tal-Kamra fejn iċċarajna punti li kellhom interpretazzjoni differenti, sabiex il-perit iħossu komdu jiftaħ numru ta’ siti li llum mhux qegħdin jaħdmu minħabba dawn l-emendi fil-liġi,” qal is-Sur Chetcuti.

F’sala ppakjata żviluppaturi, kuntratturi u bennejja, is-Sur Chetcuti qal li l-MDA u l-Gvern qegħdin f’taħditiet biex sal-aħħar tas-sena jkun hemm reġistru tal-kuntratturi. Filwaqt li tenna li assoċjazzjoni ma taqbilx li s-Site Technical Officer għandu bilfors ikun perit, is-Sur Chetcuti saħaq li l-operaturi jeħtieġ ikunu jafu għal liema responsabbiltà deħlin biex fi kliemu din l-okkażjoni sservi ta’opportunità biex l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli tisseddaq.

Il-laqgħa ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, li qal li mindu ġew ippubblikati r-regoli l-ġodda, ġew aġġornati 60 dokument tekniku filwaqt li tkompla x-xogħol ta’ twaqqigħ u skavar f’aktar minn 520 sit ta’ kostruzzjoni.

Dr Borg spjega li bl-avviż legali l-ġdid, ma jfissirx li s-Site Technical Officer għandu jkun fuq il-lant tax-xogħol minn filgħodu sa filgħaxija. Qal iżda li din il-persuna għandha tkun preżenti waqt xogħlijiet maġġuri, fosthom ta’ skavar u twaqqigħ.

Hu qal li l-Gvern qed jagħti ċans lill-bennejja biex jirregolarizzaw ruħhom billi jħallsu l-liċenzja tagħhom. Qal li ltaqa’ ma’ każijiet fejn bennejja kienu ilhom 20 sena ma jħallsu l-liċenzja. Il-Ministru Borg appella lill-operaturi fl-industrija tal-kostruzzjoni biex jaqraw l-avviż legali u ma jiddejqux jitolbu kjarifika fejn meħtieġ.

Il-Konsulent tal-Gvern, Robert Musumeci, spjega li bil-liġi l-antika ma kienx hemm obbligu li s-site managers ikunu persuni kkwalifiakati. Saħaq li dan kien qed iwassal biex ħafna site managers ma kinux jafu għalxiex qed jiffirmaw id-dokumenti tekniċi.