Unjoni Ewropea
L-MEP Roberta Metsola rebħet l-elezzjoni tan-nomina tal-Grupp PPE għall-ewwel Viċi President tal-PE

Il-Membru Parlamentari Ewropew, għal Malta u Għawdex Roberta Metsola u Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, rebħet l-elezzjoni b’65% tal-voti tal-PPE, li saret ilbieraħ filgħaxija.

F’Novembru se jittieħed vot mill-ewroparlamentari kollha fil-Parlament Ewropew biex jiġi kkonfermat dan l-irwol il-ġdid.

Jekk il-Membru Parlamentari Ewropew Metsola tiġi kkonfermata bħala l-ewwel Viċi-President, hija tkun qed tokkupa t-tieni l-iktar pożizzjoni għolja fil-Parlament Ewropew, wara l-President.

Ftit wara l-vot, l-ewroparlamentari Metsola qalet “bħala xi ħadd li ġejja minn Malta u Għawdex, dan huwa mument importanti għalija, għal Malta u għall-Partit Nazzjonalista. Se naħdem ħafna biex inkompli nimbotta ’l quddiem il-kwistjonijiet li l-iktar jgħoddu għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies u naħdem biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropew ikun eqreb lejn in-nies li jkunu qed jiġu milquta. Huwa ta’ unur u privileġġ li ġejt innominata u se nagħmel ħilti kollha biex inrodd lura l-fiduċja li n-nies urew fija.”