Sport
L-MFA bl-ewwel strateġija b’miri ċari biex il-futbol f’Malta jikber fil-kwalità

L-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol, l-MFA, għandha l-ewwel strateġija b’miri ċari dwar kif il-logħba tal-futbol se tikber fil-kwalità, bi prijorità lill-iżvilupp fil-livelli kollha u b’investiment fil-faċilitajiet tal-assoċjazzjoni u tal-clubs.

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo qal li l-għanijiet u l-proġetti proposti huma ambizzjużi imma realistiċi.

Għall-ewwel darba f’120 sena mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-football, l-MFA għandha strateġija ta’ fejn trid tieħu l-football Malti fl-erba’ snin li ġejjin.

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo qal l-pjan strateġiku hu bbażat fuq tmien miri li jvarjaw minn investiment f’ċentru tekniku ġdid u fil-faċilitajiet f’Ta’ Qali u tal-klabbs membri, it-tnedija tal-ewwel proġetti mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, titjib fil-governanza tal-assoċjazzjoni b’riformi estensivi fosthom b’reviżjoni tal-istatut u li jkun hemm titjib sinifikanti fil-livell tal-kompetizzjonijiet lokali.

“Irridu nsostnu dak li rnexxielna nagħmlu fl-aħħar snin, fil-livell ta’ żvilupp tekniku hemm ħafna xogħol xi jsir u allura l-legat tal-mandat tiegħi fis-snin li ġejjin nixtieq li jkun investiment dirett fil-logħba tal-futbol, fl-iżvilupp, fl-aċċessibiltà, fil-parteċipazzjoni u l-vjaġġ mill-grassroots, youth development li tibqa’ tiela’ sal-elite u twassal sat-timijiet nazzjonali.”

Il-futbol m’huwiex biss l-iktar sport popolari f’Malta iżda ntqal li fi ħdan l-assoċjazzjoni hemm affiljati madwar 15,000-il persuna fosthom plejers, coaches, u uffiċjali.

Il-President tal-MFA qal li l-istrateġija tfasslet wara proċess rigoruż ta’ konsultazzjoni ma’ dak li sejjaħ bħala l-familja tal-futbol Maltija u fiha miri fattibbli dwar kif il-logħba tal-futbol f’Malta tagħmel qabża fil-kwalità.

“Irridu li l-MFA tipproduċi fil-livell ta’ responsabbiltà soċjali, irridu li l-MFA tipproduċi fil-livell ta’ talent biex nipproduċu plejers tal-futbol li finalment imbagħad iwasslu għal dak li huwa il-prestazzjoni u r-riżultat li naħseb il-poplu Malti ilu jistenna.”

Mistoqsi dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, is-Sur Vassallo qal li l-UEFA u l-FIFA joffru inċentivi finanzjarji għall-iżvilupp tal-logħba waqt li l-Gvern mistenni jgħin aktar fl-investimenti infrastrutturali li se jsiru.